Żvolta fil-każ tal-vapur Ġermaniż tal-għaqda mhux governattiva Sea-Eye bl-64 immigrant abbord mistennija jiddaħħalu fi Spanja. L-immigranti li jinsabu abbord il-vapur Alan Kurdi ġew salvati l-Erbgħa li għadda mill-ibħra internazzjonali lil hinn mill-kosta tal-Libja.
One.com.mt jinsab informat li wara li l-kaptan tal-vapur talab l-għajnuna, l-awtoritajiet Ġermaniżi dderiġew lill-kaptan biex jaqbad triqtu lejn Spanja. Dan wara li l-Italja rrifjutat li tniżżel l-immigranti rġiel l-art.
Fi stqarrija, Sea-Eye qalet li mhux biss it-trabi u n-nisa fuq il-vapur Alan Kurdi għandhom jiżbarkaw fil-gżira ta’ Lampedusa li hija l-eqreb u l-aktar port sigur, iżda l-immigranti kollha abbord.
Qalet li n-negozjar tat-tqassim tal-immigranti għandu jsir wara li l-immigranti jitniżżlu l-art.