Malta tinsab fis-sitt post minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li jikklassifikaw saħħithom fi stat tajjeb ħafna jew tajjeb.
Dan irriżulta minn statistika tal-Eurostat hekk kif kienu total ta’ ħamsa u sebgħin fil-mija tal-popolazzjoni li kklassifikaw saħħithom tajba jew tajba ħafna.
Fl-ewwel post ġiet ikklassifikata l-Irlanda bi tlieta u tmenin fil-mija tal-popolazzjoni jirrispondu li saħħithom hija tajba jew tajba ħafna. Isegwuha hemm Ċipru u l-Italja li fihom kienu tmienja u sebgħin fil-mija u seba’ u sebgħin fil-mija, rispettivament li qalu li għandhom stat ta’ saħħa tajjeb.
Fil-qiegħ tal-klassifika, insibu lill-Portugal, il-Latvia u l-Litwanja, b’erbgħa u erbgħin fil-mija biss tal-popolazzjoni jirreġistraw saħħa tajba jew tajba ħafna.
L-istatistika wriet li fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, sebgħa minn kull għaxar persuni li għandhom l-età ta’ sittax-il sena jew aktar jikklassifikaw saħħithom tajba jew tajba ħafna. Dan filwaqt li kienu inqas minn wieħed minn kull għaxra li wieġbu li saħħithom hija ħażina jew ħażin ħafna.
Intant, interessanti kif l-istatistika uriet ukoll li kienu aktar l-irġiel milli nisa li kkunsidrawhom f’saħħa tajba.
Filfatt kienu tnejn u sebgħin fil-mija tal-irġiel li kkunsidraw saħħa tajba jew tajba ħafna, ħamsa fil-mija aktar min-nisa.
L-akbar differenza bejn is-sessi ġiet irreġistrata minn persuni li għandhom ħamsa u sittin jew aktar, b’differenza ta’ sitta fil-mija.