Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech mar kontra pariri li ngħata mid-Direttur tal-kuntratti dwar kuntratt li nħareġ fi żmien il-Gvern Nazzjonalista għax-xiri tas-sistema tal-informatika tal-Isptar Mater Dei b’valur ta’ madwar tletin miljun ewro.
Dan joħroġ minn sentenza li ngħatat it-Tnejn li għadda mill-Maġistrat Francesco Depasquale f’kawża li lliberat lil Noel Xuereb, ex impjegat tal-MITTS u lil Pierre Mercieca, konsulent tal-konsorzju Malti AME minn akkużi ta’ tixħim.
Xuereb u Mercieca spiċċaw investigati mill-Pulizija fuq suspetti ta’ Claudio Grech fosthom dik li Xuereb bħala rappreżentant tal-Gvern kien inxtara b’fire place wara li beda jgħaddi minn taħt informazzjoni lil Mercieca, rappreżentant tal-kosorzju Malti li ġie ddikjarat bħala l-aqwa offerent.
Is-suspetti ta’ Grech tfaċċaw meta l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien fuq l-għatba biex jiffirma l-kuntratt mal-Maltin.
Dan wara li l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien kostrett iwaqqaf in-negozjati mal-kumpanija iSoft li kienet ingħażlet bħal l-aqwa offerent, meta Xuereb ġibed l-attenzjoni ta’ Grech li din kellha problema finanzjarji u legali.
Iżda bis-suspetti li qajjem Grech fl-aħħar tan-negozjati mal-Maltin, kollox waqaf ħesrem u l-kuntratt spiċċa mill-ġdid bl-involviment tal-kumpanija iSoft, entità kummerċejali li fi kliem Xuereb, kienet rappreżentata f’Malta minn Demajo Group. Grupp li skont l-istess xhud kienet tiffinanzja l-kampanja elettorali tal-ex Ministru Austin Gatt.
Waqt li fi tweġiba bi dritt għal risposta lil ONE NEWS, Grech allega li dak qal Xuereb fil-Qorti huwa qlib tal-verità rasha ’l isfel u li skont seta’ jgħid li jrid għax l-interċettazzjoni ma setgħux jiġu inklużi fil-kawża, il-Maġistrat Deqasquale qal li l-fatt li Claudio Grech, bħala ċermen tal-kumitat tal-evalwazzjoni tal-kuntratt għażel li jimponi kundizzjonijiet ulterjuri fosthom garanzija bankarja ta’ erba’ miljun lira Maltin fuq il-konsorzju Malti AME/INSO kontra l-parir tad-Direttur tal-Kuntratti, ma kienx ta’ awspiċju tajjeb għall-konklużjoni pożittiva tax-xogħol li ngħata Xuereb bħala Project Manager tal-kuntratt.
Apparti dan għall-kuntrarju ta’ dak li stqarr Grech fuq suspetti ta’ leakages ta’ informazzjoni, il-qorti għamiltha ċara li Xuereb mhux biss qatt ma xxaħħam, iżda fuq kollox qatt ma għadda xi dokumentazzjoni lil Mercieca bil-għan li jagħmel xi gwadann personali.
Intant One News qed jippubblika b’mod sħiħ it-tweġiba li bagħat Grech bħala dritt għar-risposta.
- M’huwiex minnu li f’xi istanza jien mort kontra xi direttiva tad-Direttur tal-Kuntratti, mhux lanqas għaliex kien l-istess Dipartiment li kellu finalment japprova kull qbil finali u dan kif artikolat fil-Guidelines tal-Proċess. Il-Proċess li tmexxa kien rigoruż ħafna u mirqum f’sistema ta’ checks and balances fuq tlett safi. F’kull pass li sar f’dan il-proċess kien hemm pariri legali u tekniċi li kienu kollha jimmilitaw favur l-interess tal-Gvern, partikolarment fejn kienu involuti materji finanzjarji u ta’ garanziji ta’ operat. L-interess ta’ kull persuna appuntata mill-Gvern f’dan il-proċess kellu jkun li l-Gvern jieħu l-aħjar valur ta’ dak li kien ser iħallas għalih u dak li ntalab kien proporzjonat mar-riskju li kien ser jidħol il-Gvern għalih. Kull pass li sar kien kollu kemm hu fil-parametri tal-liġi u fl-interess tal-Gvern.
- Aktar minn hekk, huwa wkoll fattwalment dokumentat li fid-dawl tar-rapporti tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ iSoft, il-Core Evaluation Committee b’mod unanimu (u mhux xi persuna waħda waħedha) ħass li kellu jidħol aktar fid-dettall qabel ma’ jipproċedi u dan għamlu billi talab lill-konsulent tekniku li kien jifforma parti mill-proċess ta’ evalwazzjoni (Gartner UK) u lil konsulent legali CamilleriPreziosi Advocates biex jagħtu l-parir tagħhom dwar din il-materja. Gartner UK esprimew tħassib dwar dak li kienet għaddejja minnu l-iSoft u x’riskji dan seta jwassal għalih. Minn naħa tiegħu Dr Mizzi kien tal-parir li l-iSoft ma’ setgħux jiġu esklużi mingħajr ma’ jingħataw iċ-ċans li jirrispondu. Madankollu l-Kumitat unanimament iddeċieda li jipproċedi li jagħti parir lill-Adjudication Committee (il-Kumitat li kellu l-kelma aħħarija immexxi minn uffiċjal għoli tal-Ministeru tas-Saħħa) biex japprova li jinfetħu n-negozjati fuq il-materji kuntrattwali ma’ AME b’sensiela ta’ kundizzjonijiet li wkoll kienu maqbula unanimament li kellhom jiddaħħlu fil-kuntratt minħabba li anke l-proposta ta’ l-AME kellha numru ta’ riskji li kien hemm bżonn li jiġu indirizzati.
- Nerġa nisħaq li l-uniku pass li jien ħadt f’dan il-każ kien li meta jien daħalli suspett li kien hemm leakages ta’ informazzjoni, għamilt dak li kien mistenni minni fil-Code of Conduct ta’ dan il-proċess u cioe’ għarraft lill-Ministru responsabbli u sussengwetement lill-Prim Ministru li minnufih għażlu li jibgħatu għall-Kummissarju tal-Pulizija biex iqabbduh jinvestiga lil kollox u lil kullħadd.
- Kuntrarjament għal dak li qed tindika int, nerġa ngħidlek li meta ressaqt is-suspetti tiegħi la qatt ma’ semmejt li xi ħadd kien qiegħed jixxaħħam u wisq anqas ma ndikajt lil ebda persuna. L-investigazzjonijiet saru kollha kemm huma mill-Kummissarju tal-Pulizija tul numru ta’ ġimgħat. Biex wieħed jasal għall-konklużjoni għaliex tressqu persuni l-Qorti jrid jistaqsi lilhom u mhux jattakka lili għaliex sempliċement wassalt is-suspett tiegħi fuq dawn il-leakages. Ma’ nimmaġinax li l-Kummissarju tal-Pulizija aġixxa sempliċement fuq suspett ġenerali.
- Infakkrek ukoll li l-proċess tat-tender twaqqaf mill-Prim Ministru wara li ħa parir mingħand l-Avukat Ġenerali ta’ dak iż-żmien Dr Silvio Camilleri, li nimmaġina li wasal għal konklużjoni tiegħu fuq raġunijiet fattwali u fuq bażi legali valida u mhux sempliċement fuq suspett ġenerali.
- Għalkemm huwa sekondarju, niġbidlek l-attenzjoni wkoll li l-Konsrozju ma’ kienx “Malti” jew tal-“Maltin” kif qiegħed talludi inti fl-artiklu tiegħek.