Il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kabinett ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari, u Deputati tal-Gvern, iltaqgħu mal-President George Vella.
Fil-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru awgura formalment lill-President u qallu li kien ta’ unur għalih u għall-Kabinett li servew miegħu.
Qallu li ħassu ispirat mid-diskors li għamel il-Ħamis fiċ-ċerimonja tal-ħatra, u li m’għandux dubju li fil-ħames snin li ġejjin, b’dedikazzjoni se jiggwida lill-pajjiż fid-direzzjoni t-tajba.
Min-naħa tiegħu, il-President Vella qal li jinsab kommess li jaħdem biex jara lil pajjiżna miexi ‘l quddiem.
Qal li lest ikun punt ta’ referenza, u jsib ħin biex jitkellem mal-membri tal-Kabinett għall-gid tal-pajjiż.
Innota li minkejja s-sitwazzjoni ekonomika b’saħħitha li jinsab fiha pajjiżna, ma jfissirx li m’hemmx bżonn bidliet, fosthom fejn jidħlu aktar drittijiet għan-nisa. Iżda qal li jemmen li b’direzzjoni ċara u għaqda, dal-pajjiż jasal biex iwettaq il-bidla li għandu bżonn.