L-istazzjonijiet tal-ferrovija ta’ Birkirkara, Ħ’Attard u l-Ħamrun se jkunu qed jiġu rrestawrati għall-glorja oriġinali tagħhom fi proġett b’ valur ta’ €1.2 miljun.
Il-proġetti jinkludu rinovazzjoni tal-binjiet tal-istazzjonijiet tal-ferrovija antiki tal-Ħamrun u Ħ’Attard sabiex jiġu ppreservati u jsiru attrazzjoni, kif ukoll ir-rinovazzjoni tal-istazzjon ta’ Birkirkara li se jsir mużew għal memorabilia restawrata mil-ferrovija, kif ukoll replica tal-istrutturi tal-ferroviji ta’ Malta.
Dan il-proġett tħabbar mis-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia fejn spjega kif dan il-proġett se jkun iffinanzjat minn fondi Ewropej. Farrugia spjega kif il-Gvern irid jagħti aktar valur lill-assi kulturali u storiċi lokali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej u Djalogu Socjali Aaron Farrugia qal li dan l-investiment ta’ €1.2 miljun huwa ffinanzjat mill-fondi Ewropej li huma allokati lil pajjiżna.
Farrugia qal li l-proġett se jikontribwixxi għad-diversifikazzjoni tad-dehera ta’ Malta biex minn destinazzjoni turistika għax-xemx u l-bajjiet issir destinazzjoni li tattira tipi ta’ turisti li jiġu Malta għal raġunijiet varji f’lokalitajiet differenti.
Huwa mistenni li t-tlett proġetti, li kollha qegħdin f’stadju differenti, se jżidu n-numru ta’ viżitaturi lejn dawn is-siti għal madwar 13,000.
Paul Galea li huwa c-chairman tal-Malta Railway Foundation laqa’ dan ix-xogħol u spjega kif il-ferrovija kienet waħda mill-ewwel effetti pożittiva ta r-revoluzzjoni industrijali f’pajjiżna. Spjega li hekk kif fil-passat il-vjaġġ għall-Belt kien jieħu viċin it-3 sigħat grazzi għal l-ferrovija dan it-traġitt tnaqqas għal madwar 25 minuta.