Joseph Farrugia ta’ 50 sena min-Nadur Għawdex ġie ordnat jagħmel 200 siegħa xogħol fil-komunità mal-Fondazzjoni Arka f’Għajnsielem wara li ammetta li bħala eks-Uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija seraq minn vettura u li bħala uffiċjal pubbliku ma kienx ta’ eżempju għas-soċjetà.
Farrugia tressaq il-Qorti akkużat li fil-31 ta’ Ottubru tal-2018 fix-Xewkija Għawdex, seraq minn vettura, li kkawża ħsarat fuq propjetà li ma kinitx tiegħu, li żamm għalih affarijiet li ma kinux propjetà tiegħu u li bħala uffiċjal pubbliku ma kienx ta’ eżempju għas-soċjeta. Hu ammetta għal żewġ akkużi; li seraq u li ma kienx ta’ eżempju.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qalet kif tifhem kif fil-ħajja jkun hemm ċirkostanzi ta’ dalma u jsiru affarijiet li jtappnu karriera sħiħa ta’ 30 sena li l-akkużat kellu fil-Korp tal-Pulizija.
Wara li qieset kollox, il-Qorti sabet lill-akkużat ħati għaż-żewġ akkużi li ammetta għalihom filwaqt li ħelsitu miż-żewġ akkużi l-oħra.
Il-Qorti ordnat li Farrugia jitpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin filwaqt li ġie ordnat li jagħmel 200 siegħa xogħol fil-komunità mal-Fondazzjoni Arka f’Għajnsielem.