Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet ta’ restawr li saru u qed isiru fuq il-faċċati tal-Università l-Antika u l-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta. Bħala proġett huwa stmat li se jiswa aktar minn miljun ewro mill-Fondi Nazzjonali.
Huwa spjega li bħal mal-Kon-Katidral huwa sinonimu mat-turiżmu, din il-binja hija waħda importanti wkoll għall-istorja ta’ pajjiżna. Apparti l-faċċati ta’ din il-binja sar ukoll xogħol kbir fuq il-bejt u koppla tal-Knisja li kellhom ħsarat kbar. Huwa qal li jixtieq li l-partijiet kollha jkomplu jaħdmu flimkien sabiex dan il-ġojjell jerġa’ jirritorna lura għall-glorja tiegħu.
Illum ġie inawgurat ix-xogħol li sar fuq il-faċċata tal-Università li tagħti għal fuq Triq San Pawl. Bix-xogħol issa mexa għal faċċata ta’ Triq il-Merkanti li tul is-snin żviluppawlha ħsarat kbar kawża tal-elementi u interventi umani. Ġie spjegat ukoll li bħalissa qed issir ħidma sabiex toħroġ sejħa pubblika sabiex ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet fuq il-faċċata ta’ Triq San Kristofru li parti minnha kellha tinbena mill-ġdid wara li kienet ġġarrfet fit-tieni Gwerra Dinjija
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li bini bħal dan qed jerġa’ jinagħta l-ħajja grazzi għall-intervent tal-Gvern.