Eks uffiċjal għoli li kien jifforma parti mir-reġim ta’ Gaddafi ġie lliberat minn akkużi ta’ falsifikazzjoni, wara li l-evidenza uriet li hu ma kienx konxju li d-dokumenti ta’ vjaġġar kienu foloz.
Mohammed Ali Hassan Fakrun ta’ tnejn u ħamsin sena minn Benghazi kien se jaqbad titjira minn Malta lejn Istanbul fl-elfejn u tmintax meta l-passaport u l-karta ta’ identifikazzjoni tiegħu, li kellhom timbru tal-Gwatemala, qajmu susspett.
Huwa kien arrestat u tressaq il-Qorti jumejn wara fuq akkużi ta’ falsifikazzjoni u l-użu ta’ dokumenti foloz, filwaqt li ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati.
Minħabba l-awtentiċita tagħhom, il-pulizija kellmet lill-Ambaxxata tal-Gwatemala f’Ruma u ġiet mgħarrfa li d-dokumenti kienu foloz u li n-numru tal-karta tal-identita kien ta’ xi ħaddieħor.
Fakrun insista l-innoċenza tiegħu u spjega kif hu kien kiseb id-dokumenti mingħand mibgħut speċjali tal-istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli kkonkludiet li mill-evidenza ppreżentata, minkejja li l-Prosekuzzjoni ppruvat li d-dokumenti kienu foloz, l-intenzjoni kriminali ma kinitx ppruvata.