Waqt seduta speċjali tal-Parlament, it-Tabib George Vella ngħata l-ħatra bħala l-għaxar President ta’ Malta.
Kienu għall-ħabta tal-kwarta li fis-Sala tal-Gran Kunsill fil-Palazz Presidenzjali, Dr Vella ħa l-ġurament tal-kariga ta’ Kap tal-Istat.
Fl-ewwel diskors tiegħu lill-poplu Malti u Għawdxi, il-President George Vella qal li se jwettaq presidenza siekta u jkun punt ta’ għaqda nazzjonali, mera tal-bżonnijiet tal-poplu, leħen tal-ftit u l-wens tal-imwarrab.
Diskors li matulu fisser il-vizjoni tiegħu għall-ħames snin li ġejjin, partikolarment billi jkun punt ta’ għaqda nazzjonali:
“Din l-għaqda ma tiġix biss bix-xewqa. Irridu naħdmu għaliha.”
F’diskors mirqum, Dr Vella tkellem dwar bosta għanijiet li fuqhom qal li se jsejjes ħidmietu, bl-isfida ewlenija tkun l-għaqda nazzjonali.
“Għadna nġorru fuq il-kuxjenza nazzjonali tagħna it-tbajja suwed ta’ atti atroċi bħal qtil ta’ Karen Grech, Raymond Caruana, u s-Sinjura Daphne Caruana Galizia. Dan żgur ma jixraqx u jistona bil-kbir mal-karattru twajjeb tal-poplu Malti.”
Qal li se jkun gwardjan tal-kostituzzjoni b’tali mod li jħarisha u jara li tiġi rrispettata.
“Irridu ndaħħlu mill-ġdid rispett ġenwin lejn dawk li huma s-simboli tan-nazzjon tagħna. Rispett lejn il-bandiera Maltija u dak li tirrapreżenta. Rispett lejn l-innu nazzjonali tagħna. Rispett lejn l-ilsien nazzjonali tagħna. Rispett lejn l-istorja u l-kultura tagħna.”
Qal li l-ewwel turija ta’ għaqda nazzjonali għandha tkun fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Sostna li jrid ikun hemm rispett reċiproku mingħajr attakki personali. Qal li matul id-dibattiti, il-membri parlamentari għandhom jużaw ton u kontenut li jagħmel ġieħ lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Saħaq li aċċetta din il-kariga għax bħala pajjiż irridu naraw li jkun hemm tqassim ekwu tal-ġid, u li l-piż tat-tmexxija u l-ħarsien soċjali jinqasam bejn kulħadd. Hawnhekk fisser kif il-karità ma tantx għad baqa’ postha.
“Il-kunċett ta’ karità bilkemm għad fadal żmienu fis-soċjetà tagħna. Ninsab konvint li min għandu bżonn l-għajnuna għandu jirċieviha bi dritt u mhux bħala karità jew favur.”
Qal li se jinteressa ruħu fl-iżvilupp tal-qasam tas-saħħa u ttama li jibqa’ jara r-rispett li sa issa dejjem kien hemm lejn l-etika u l-morali fil-professjoni medika:
“Fuq kollox ir-rispett għall-ħajja mill-bidu nett tagħha, sal-aħħar nifs tal-individwu.”
Tkellem ukoll dwar l-impenn fil-qasam edukattiv. Qasam li mingħajru sostna li mhemmx mobilita socjali. Dwar il-qasam tal-ambjent li ħadem fih tul il-karriera tiegħu, qal li se jirrakomanda lill-awtoritajiet il-ħarsien tar-regolamenti u li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’responsabblità.
Ma naqasx milli jisħaq fuq il-ħtieġa li jisaħħaħ l-irwol tal-mara fis-soċjeta Maltija:
“Irridu nkomplu nsaħħu l-libertajiet ċivili li pajjiżna tant stinka għalihom f’dawn l-aħħar snin. Irridu nneħħu kull forma ta’ diskriminazzjoni. Irridu nkomplu nsaħħu l-irwol tal-mara fis-soċjetà, u fid-dinja tax-xogħol.”