Jidher li ma kien hemm ebda tama li l-ajruplan tal-linja tal-ajru Etjopjana li ġġarraf xahar ilu, isalva, anke sa mill-ewwel rapporti ta’ ħsarat waqt it-titjira. Rapporti fil-midja internazzjonali qed jgħidu li l-bdoti tal-ajruplan segwew proċedura stabbilita mill-kumpanija Boeing qabel ma ġġarraf l-ajruplan, iżda ma rnexxielhomx jikkontrollaw l-ajruplan.
L-ajruplan iġġarraf ftit tal-ħin wara t-tluq minn Addis Ababa, u ħasad il-ħajja ta’ xejn anqas minn mija, sebgħa u ħamsin persuna. Din kienet it-tieni traġedja li nvolviet ajruplan tal-għamla Boeing fi żmien ħames xhur, wara li titjira ta’ Lion Air ġġarrfet barra mill-kosta tal-Indoneżja f’Ottubru li għadda, li kkawżat il-mewt ta’ mija, disgħa u tmenin persuna.
Bħala prekawzjoni, madwar tliet mitt ajruplan tal-għamla Boeing ma tħallewx itiru minn diversi ajruporti, fosthom anke mill-Ewropa.