Nixtieq inkun rapprezentant tal-poplu bl-akbar dinjita, li nwettaq presidenza siekta billi nkun punt ta’ għaqda nazzjonali, mera tal-bżonnijiet tal-poplu, leħen tal-ftit u l-wens tal-imwarrab.
Kien b’dan il-mod li l-President il-ġdid ta’ Malta, George Vella temm l-ewwel diskors tiegħu bħala l-għaxar President tar-Repubblika ta’ Malta.
Diskors li matulu fisser il-vizjoni tiegħu għall-ħames snin li ġejjin.
Huwa tkellem dwar diversi għanijiet u prijoritajiet li fuqhom se jibbaża l-ħidma tiegħu f’dan l-irwol ġdid.
Fisser kif se jara li min għandu bżonn l-għajnuna jingħata dan bi dritt u mhux b’karita.
Stqarr li jittama li jibqa’ jara rispett lejn il-ħajja mill-bidu nett sal-aħħar nifs. Filwaqt li tkellem dwar il-viżjoni tiegħu għall-impenn fil-qasam tas-saħħa, tkellem ukoll dwar l-impenn fil-qasam edukattiv. Qasam li mingħajru sostna li mhemmx mobilita socjali, żvilupp u għodda għall-għarfien fid-dinja ta’ madwarna.
F’diskors intensiv, tkellem ukoll dwar l-etika u l-moralita u anke dwar il-qasam tal-ambjent f’pajjiżna. Hawnhekk irrakomanda il-ħarsien tar-regolamenti u li d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-ambjent jittieħdu b’mod responsabbli.
Tenna wkoll l-importanza tal-għaqda nazzjonali anke partikolarment fir-rispett lejn il-kostituzzjoni. Qal ukoll li l-ewwel turija ta’ għaqda nazzjonali għandha tkun fl-elezzjonijiet li ġejjin.
Stqarr ukoll li wieħed mill-ewwel doveri tiegħu se jkun dak li jkun bħala gwardjan tal-kostituzzjoni b’tali mod li jħarisha u jara li tiġi rispettata.
Fuq kollox, stqarr li se jimpenja ruhu biex inaqqas u kemm jista jkun ixejjen firdiet eżistenti.