Il-Programm tal-ħatra ta’ Geroge Vella bħala President ta’ Malta wasal fi tmiemu, hekk kif bħalissa jinsab fil-Palazz Presidenzjali ta’ San Anton.
Il-Ġurnata bdiet billi għexieren ta’ ġirien ta’ Vella u tfal tal-iskola laqgħu b’ċapċip lill-President quddiem ir-residenza tiegħu ġewwa ż-Żejtun.
Wara ġiet iċċelebrata Quddiesa Solenni fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fejn preżenti kien hemm wkoll mexxejja ta’ denominazzjonijiet Insara u ta’ komunitajiet inter-faith.
Wara l-quddiesa, għexieren ta’ Maltin kif ukoll turisti laqgħu lill-President Vella fit-toroq tal-Belt Valletta qabel ma’ ħa l-ġurament bħala President ta’ Malta.
Kien propju f’nofsinhar u sbatax-il minuta li t-Tabib George Vella ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-għaxar President ta’ Malta. Wara hu ngħata l-ewwel salut bħala Kap ta’ Stat.
Flimkien mas-Sinjura Vella, il-President qiegħed kuruna fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir b’tislima għall-vittmi tal-gwerra.
Fil-Palazz Presidenzjali ta’ San Anton hu ltaqa’ mal-ħaddiema kollha ta’ dan il-palazz.
Il-Programm intemm bi żjara ta’ kortesija mill-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Sinjura Michelle Muscat, kif ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.