Iż-Żogħżija hija, meta normalment, xi ħadd jkun mimli ħajja, mimli ħolm u li jħalli moħħu jiġri bih. Jaspira. Hemm min jikkuntenta ruħu b’dak li tipprovidilu l-Providenza, oħrajn jfittxu kontinwament x’seta’ ħejja l-futur għalihom. Il-Mewt hija dik li taħsad kull tama’ puwerili u diżillużjonijiet ta’ kobor fierah u twarrabhom f’abiss minsi. Iżda umbad hemm dawk ukoll li xogħlhom u għemilhom għadhom jidwu sal-ġurnata tal-lum. Dan hu dak li l-Festival tar-Rebbiegħa ser jesplora din is-sena, kif wkoll iċ-ċentinarju ta’ wieħed mill-iktar movimenti artistiċi ‘mportanti li ‘fforma is-seklu li għadda – il-Bauhaus. Dan kollu spjegahulna l-kompożitur Karl Fiorini, Diretur Artistiku u Fondatur tal-Festival tar-Rebbiegħa.
Matul disat ijiem, mill-Ġimgħa 26 t’April sas-Sibt 4 ta’ Mejju, mużiċisti Maltin u barranin ser jikkolaboraw, u jħejjulna vjaġġ mużikali ambizzjuż ta’ xogħlijiet, uħud minnhom bil-kemm qatt ġew eżegwiti f’pajjiżna. Fiorini jkompli jgħidilna li l-fatt li mużiċisti internazzjonali jiġu lejn Malta biex idoqqu mhuwiex il-fattur primarju li jagħti dimensjoni internazzjonali lill-Festival jew Festivals oħra iżda l-aspirazzjonijiet artistiċi b’punt ta’ riferiment – ir-repertorju li jiġi ipprogrammat, u inoltre li kull sena jkun hemm ambizzjonijiet fil-programmazzjoni ta’ repertorju ġdid. Il-Festival tar-Rebbiegħa jaspira li jikkontribwixxi għal forma ta’ legazija fuq livell nazzjonali kif għamlu u qed jagħmlu Festivals oħra lilhin minn pajjiżna matul is-snin.
Din is-sena t-tema tal-Festival hija ‘ċċentrata madwar Der Tod und das Mädchen – Death and the Maiden, xogħol għall-vuċi ta’ Franz Schubert fuq test ta’ Matthias Claudius, li Schubert lejn l-aħħar ta’ ħajtu kien wkoll kiteb kwartett għall-korda (żewġ vjolini, vjola u vjolinċel) – deskritt bħala wieħed mill-pilastri tal-Mużika da Camera, u li Mahler lejn l-aħħar tas-seklu dsatax kien orkestra għall-okrkestra tal-korda.
Il-verżjoni ta’ Mahler ser tigi eżegwita fil-kunċert tal-ftuh, il-Ġimgħa 26 t’April fis-Salon tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkejoloġija, l-Belt, Valletta, mill-Harmonia Consort, Londra, orkestra tal-korda li l-membri tagħha huma nisa biss. Fl-istess sala, il-Ħadd 28 t’April, il-Kwartett Somogyi, Budapest ser idoqqu l-verżjoni oriġinali ta’ Schubert kif ukoll għall-ewwel darba f’Malta, l-ewwel kwartett għall-korda ta’ Arnold Schoenberg.
L-għada, it-Tnejn 29 t’April it-Trio Aquilon, Londra ser jeżegwi kunċert insolitu ta’ mużika ta’ żmienna, in-New York Trio tal-kompożitur Nazzjonali Malti Charles Camilleri (1931-2009), Thea Musgrave Pierrot, u l-kompożituri Franċiżi Roland Conil u Dominique Lièvre. It-Tlieta 30 t’April, din id-darba fis-Soċjeta tal-Arti uManefattura (Palazzo De la Salle), il-pjanista Ażerbajġana Saida Zulfugarova ser iddoqq żewġ Sonati ta’ Beethoven, it-Tempest u l-Op.111 kif wkoll il-Kinderscenen (Xeni ta’ Tfulija) ta’ Robert Schumann.
Din is-sena l-vuċi tilgħab parti ċentrali fil-Festival tar-. Fil-kunċert tal-ftuh [26 t’April] il-Mezzo Sopran Clare Ghigo ser tkanta xogħol fil-vena espressjonista ta’Schoenberg Das Buch der hängenden Gärten (The book of Hanging Gardens) ta’ Schoenberg, orkestrat għall-korda minn Fiorini. Is-Sibt 27 t’April is-Sopran Gillian Żammit, fis-Salon tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkejoloġia ser tkanta sensiela ta’ Lieder, akkumpanjata mill-Arpista prinċipali tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Britt Arend u fl-1 ta’ Mejja, din id-darba fis-Soċjeta’ tal-Arti u Manefattura, il-Baritonu Joseph Lia ser jkanta il-Der Tod und das Mädchen fost xogħolijiet oħra.
L-aħħar tlett serati tal-Festival ser jiġu ‘mnieda t-Teatru Manoel u ser jieħdu sehem fihom it-Trio tal-pjanu Zviżżeru Ameraldi, l-Ħamis 2 ta’ Mejju, ser idoqq il-Piano Trio u l-Five pieces for Piano Trio ta’ Shostakovich u l-Piano Trio No.2 Eb ta’ Schubert, u l-Ġimgħa 3 u s-Sibt 4 ta’ Mejju ser ikollna l-okkazjoni nisimgħu lis-Sinfonietta tal-Estonja.
Il-Festival tar-Rebbiegħa ser jagħlaq is-Sibt 4 ta’ Mejja, u hemm ser jipparteċipa d-direttur Brian Schembri, li l-aħħar li ddirieġa Malta kien proprju fil-Festival tar-Rebbiegħa tas-sena l-oħra. Schembri huwa konness ħafna mal-kompożitur Fiorini kif ukoll mal-festival tiegħu u ser jkollna l-pjaċir nisimuh jidderieġi s-Sinfonietta tal-Estonja. Fl-ewwel parti tal-programm ser jieħdu sehem wkoll il-pjanisti Charlene Farrugia fil-Kammermusik No. 1 ta’ Hindemith, u Lucia Micallef li ser iddoqq il-kunċert tal-pjanu ta’ Poulenc – Aubade. Fit-tieni parti Schembri ser jidderieġi l-aħħar xogħol mill-pinna ta’ Fiorini Four miniatures (Erba’ minjaturi) miktuba fuq xogħol litterarju tal-poeta Franċiża Sophie Charpentier, u ser jiġi ‘mkanta mill-Mezzo Sopran Brigitte Peyré.
Il-Festival ser jagħlaq bil-Kindertotenlieder (Kant fuq il-mewt tat-tfal) ta’ Gustav Mahler. Ta’ min iżid wkoll li kull kunċerti t-Teatru Manoel, ser tiftħu l-pjanista Daphne Delicata, tifla ta’ 12-il sena’, li s-sena skolastika d-diehla sejra tkompli l-istudji mużikali tagħha fil-Yehudi Menuhin School of Music, ġewwa l-Ingilterra. Il-kunċerti kollha jibdew fit-8pm.
Studenti u anzjani jibbenefikaw minn skont ta’ 50% reduzzjoni fuq il-biljetti tad-dħul. Filwaqt li l-istudenti tal-iskola tal-Mużika u d-Dipartiment tal-Mużika tal-Universita’ ta’ Malta (fuq preżentazzjoni ta’ Karta tal-Identita’ jew dokument validu) kif ukoll tfal taħt il-15-il sena huma ‘ntitolati għal biljett kull wieħed b’xejn. Għal reservazzjonijiet www.kultura.mt u www.teatrumanoel.com.mt, għal iktar tgħarif www.iso-festival.com jew admin@iso-festival.com. Il-Kumitat tal-Festival tar-Rebbiegħa jixtieq jirringrazzja lill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Kultura, u lill-Kunsill ta’ Malta għall-Kultura.