Il-Gvern awtorizza l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-ħames evalwazzjoni ta’ Malta li saret mill-Grupp tal-Istati Kontra l-Korruzzjoni magħruf bħala l-GRECO.
Ir-rapport jitratta dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-promozzjoni tal-integrità fl-eżekuzzjoni tal-ogħla funzjonijiet eżekuttivi tal-gvernijiet ċentrali u fl-agenziji tal-infurzar tal-liġi. L-evalwazzjonijiet tal-GRECO isiru fuq bażi regolari dwar il-pajjiżi kollha li huma membri tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-GRECO. Dawn l-evalwazzjonijiet isiru dwar kull pajjiż madwar kull erba’ snin.
Hija regola tal-GRECO illi biex rapport jiġi ppubblikat, trid tingħata l-awtorizzazjoni għal dan mill-pajjiż konċernat. Fil-prattika din l-awtorizzazzjoni għall-pubblikazzjoni qatt ma tingħata minn ebda pajjiż mill-ewwel waqt il-laqgħa plenarja li tkun approvat ir-rapport. Dan ukoll peress illi d-delegazzjoni preżenti għal-laqgħa ma jkollhiex dik is-setgħa. Dan tant hu hekk illi fl-istess jum meta ġiet konkluża l-evalwazzjoni ta’ Malta, ġew konkluzi wkoll l-evalwazzjonijiet tal-Macedonia tal-Punent u tal-Isvezja li f’ebda pajjiż minnhom għadha ma saret il-pubblikazzjoni tar-rapport rispettiv.
Bħal ma dejjem isir, ir-rapport tal-GRECO jagħmel diversi rakkomandazzjonijiet lill-pajjiż konċernat sabiex itejjeb is-sistemi legali u amministrattivi tiegħu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur illi jkun is-suġġett tal-evalwazzjoni. Jekk wieħed jara r-rapporti li saru lid-diversi pajjiżi fil-kors tal-ħames evalwazzjoni jsib illi diversi pajjiżi oħra sarulhom rakkomandazzjonijiet simili għal dawk li saru lil Malta.
Il-Gvern jinnota li r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO fil-qofol tagħhom jirrigwardjaw sistemi u liġijiet li ilhom f’pajjiżna numru kbar ta’ ġenerazzjonijiet, saħansitra wħud minnhom sa minn qabel l-Indipendenza ta’ pajjiżna. Ma hemm, fil-fatt, ebda rakkomandazzjoni tal-GRECO li b’xi mod tikkritika xi waħda mil-liġijiet li wettaq dan il-gvern. Irid jingħad li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet huma fl-istess spirtu tar-rakkomandazzjonijiet li saru fl-opinjoni li ħarġet il-Kummissjoni ta’ Venezja f’Dicembru li għadda liema rakkomandazzjonijiet il-gvern diġà qiegħed jindirizza.
Ir-rapport tal-GRECO jirrikonoxxi wkoll li sar xi tibdil wara li d-delegazzjoni tal-GRECO żaret Malta li mhuwiex inkluż fir-rapport. Dan it-tibdil jinkludi l-funzjonijiet ġodda li ngħataw lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li għandhom jolqtu wħud mir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-GRECO.