Id-dokumenti li suppost fihom il-firma ffalsifikata tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia huma marbuta ma’ kumpanija li ma kellha ebda attività u li hija waħda minn bosta li rċeviet pagamenti suspettużi minn ċirku ta’ prostituzzjoni f’Soho f’Londra.
Dan joħroġ minn artiklu ppubblikat f’The Times fejn jingħad li Adrian Delia talab li ssir investigazzjoni biex isir jaf minn fejn ħarġet l-informazzjoni dwaru.
Dan wara li s-sena li għaddiet l-Aġenzija Kontra l-ĦASIL tal-FLUS l-FIAU ikkonkludiet li hemm suspett raġjonevoli li l-Kap Nazzjonalista fil-bidu tas-snin elfejn kien involut f’ċirku ta’ ħasil ta’ flus. Dawn il-pagamenti li jammontaw għal nofs miljun ewro ġew iddepożitati fil-kont bankarju li kellu Delia f’Jersey.
Il-ġurnal The Times of Malta rrapporta kif il-flus ġew trasferiti f’pajjiżi oħra inkluż fl-Iżvizzera sa ma fl-aħħar ġew iddepożitati f’kont bankarju f’Malta li huwa tal-kumpanija FRANKEF LTD.
Kien f’dan il-punt, li għadd ta’ ċekkijiet inħarġu f’kumpaniji bla attività ta’ Eucharist Bajada- il-klijenti ta’ Adrian Delia-…l-istess nies li huma suspettati li mexxew dan iċ-ċirku ta’ prostituzzjoni f’Londra.
Il-gazzetta qalet li minn informazzjoni mgħoddija mill-Bank of Valletta lill-FIAU sabet li FRANKEF LTD irċeviet pagamenti li jammontaw għal ħamsa u għoxrin elf lira maltin – ekwivalenti għall-ħamsa u sebgħin elf ewro f’ċekkijiet li ġew minn dan il-burdell f’Londra.
Bis-sorsi tal-gazzetta Times of Malta jiżvelaw kif Adrian Delia u Kris Bajada kienu wkoll involuti f’numru ta’ kumpaniji oħra. Dawn ivarjaw minn servizzi ta’ loġistika u tħaffir għaż-żejt sa importazzjoni ta’ ħwejjeġ.
Il-gazzetta żiedet tgħid li d-dokumenti li ppreżenta Delia ma kinux biżżejjed biex jikkontradixxu s-sejbiet irrapportati mill-FIAU.
Il-ġimgħa li għaddiet, Adrian Delia ħarab milli jwieġeb lill-ġurnalisti u stedinhom biex jagħmlu appuntament miegħu, madankollu jidher li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma żammx ma kelmtu. Minkejja li ntbagħtulu d-domandi u sensiela ta’ tfakkiriet sabiex iwieġeb, sa issa baqa’ jaħrabhom. Bil-kelliem tiegħu jgħid li mhux prudenti li jidħol f’ċertu dettalji speċifiċi bl-iskuża li għad hemm inkjesta maġisterjali għaddejja.