Fl-1 ta’ April ta’ 45 sena ilu, il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta għamlet l-ewwel titjira tagħha.
Kien l-eks Prim Ministru Dom Mintoff, li wara snin ta’ ħidma waqqaf l-Air Malta. Mintoff ried li l-poplu Malti jkollu l-linja nazzjonali tiegħu, sabiex din tgħin ukoll fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna.
Ħolma li saret realtà. Sabiex f’45 sena l-Air Malta ġarret aktar minn 56 miljun passiġġier. Operat aktar minn 1.2 miljun titjira u għamlet aktar minn 775 miljun kilometru ta’ titjiriet.
Iżda, kollox beda b’żewġ ajruplani imlaqma “għasafar taċ-ċomb li ma jtirux”. Fl-ewwel ta’ April tal-1974, ajruplan minnhom tar lejn Ruma, u ajruplan ieħor tar lejn Londra bi grupp ta’ ġurnalisti.
Simbolikament, 45 sena wara reġgħet saret din it-titjira lejn Londra.
F’terminal numbru erbgħa fl-Ajruport ta’ Heathrow f’Londra, ġiet indirizzata konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turizmu Konrad Mizzi, il-Kap Eeżekuttiv tal-Air Malta Cliff Chetcuti u ċ-Chairman Charles Mangion fejn ġew iċċelebrati l-kisbiet u s-suċċessi tal-Air Malta f’dawn l-aħħar snin.
Bl-aħħar suċċess, il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta rreġistrat qligħ operattiv ta’ €1.2 miljun, wara 18-il sena tirreġistra telf.
Fl-ewwel sena taghha l-Air Malta garret tlieta u hamsin elf u hames mitt passiggier. Illum kull sena iġorr aktar minn żewġ miljun passiġġier u tagħmel 18-il elf titjira. Għaxar ajruplani li jtiru lejn 40 destinazzjoni differenti fosthom Londra, Pariġi, Ruma u Frankfurt.