Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas, il-konnessjoni prinċipali bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa, proġett b’investiment ta’ €9.5 miljun.
Il-Ministru spjega kif minflok il-karreġġjata eżistenti b’żewġ korsiji, Infrastructure Malta se tiżviluppa karreġġjata doppja b’erba’ korsiji, fejn iż-żewġ karreġġjati se jkunu separati b’central strip li se jkollha crash barriers, dawl LED u sistemi oħra ta’ sigurtà. Il-proġett se jinkludi wkoll passaġġi pedonali ġodda, bus lay bys aktar siguri, inħawi landscaped u cycle track segregat b’tul ta’ kilometru li se jingħaqad mal-korsija għaċ-ċiklisti li ġiet introdotta fi Vjal l-Avjazzjoni s-sena l-oħra.
Huwa qal li din il-ġimgħa beda x-xogħol ta’ tħammil għall-pedamenti taż-żewġ korsiji ġodda u tas-cycle track matul il-ġnubijiet tal-karreġġjata eżistenti u spjega kif il-proġett se jiġi implimentat f’diversi fażijiet biex jiġi evitat kemm jista’ jkun l-inkonvenjent. Meta jitlestew il-korsiji ġodda, dawn jibdew jintużaw biex jingħalqu l-qodma u jinbnew mill-ġdid. Il-proġett jinkludi madwar 1.6 kilometri ta’ servizzi taħt l-art tal-ilma, internet u telekomunikazzjoni, u qed tinbena wkoll sistema għall-ilma tax-xita ġdida. Taħt l-art se jingħadda network ieħor ta’ 2 kilometri għall-elettriku għad-dawl tat-triq.
“Impenjati li nkomplu nwettqu proġetti importanti fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna, u li permezz tagħhom inkomplu ntejbu l-effiċjenza tan-network tat-toroq tagħna. Dan qed nagħmluh għal traġitt aktar veloċi għall-utenti tat-toroq u kwalità tal-ħajja aħjar għar-residenti ta’ pajjiżna, u biex niffaċilitaw il-ħidma għan-negozji li jridu jintlaħqu mill-istess toroq. Ftit inqas minn sena ilu għamilna x-xogħlijiet biswit ir-roundabout aktar ’il fuq mis-sit li ninsabu fuqu illum, issa ser inkomplu x-xogħlijiet biex inkomplu intejbu l-effiċjenza ta’ din ir-rotta li tintuża minn bosta utenti tat-toroq tagħna,” qal il-MinistruBorg.
Huwa spjega kif dan il-proġett se jkompli jibni fuq investimenti oħra bl-għan li jitjiebu l-kapaċità, is-sostennibilità u s-sigurtà tar-rotta arterjali bejn iċ-ċentru u n-nofsinhar tal-pajjiż, proġetti bħal Vjal l-Avjazzjoni u r-roundabouts ta’ Ħal Luqa, Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ.
“Dan huwa l-mod kif irridu nippjanaw l-infrastruttura ta’ pajjiżna. M’aħniex qegħdin ngħixu f’partijiet tal-pajjiż iżolati minn xulxin. Qed ngħixu f’pajjiż magħqud permezz ta’ network ta’ toroq u huwa importanti li nippjanaw,” qal il-Ministru.
Huwa spjega kif filwaqt li kull proġett jikkumplimenta lil ieħor, kull proġett iġib miegħu benefiċċji uniċi wkoll, u żied jgħid li dan il-proġett ta’ Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas huwa importanti speċjalment minħabba li din hija waħda mir-rotot prinċipali ta’ aċċess għall-Ajruport, għall-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far, għall-Freeport u għal negozji oħra, proġett li se jiswa ta’ ġid anke għall-ekonomija billi jtejjeb l-effiċjenza għal diversi setturi kummerċjali u industrijali li jiddependu fuq dawn il-postijiet. Fl-istess waqt mistenni jnaqqas id-dipendenza fuq ir-rotta l-oħra bejn iċ-ċentru u n-nofsinhar li tgħaddi minn Santa Venera u l-Marsa fejn ukoll hemm ippjanat jew qed isir titjib b’investimenti oħra.
“Importanti li meta naraw proġetti bħal dawn għaddejjin fit-toroq nifhmu għaliex, fil-verità għaddej dan l-investiment kollu. Pajjiżna huwa pajjiż li għamel suċċessi kbar, iżda dan ma kienx rifless fl-infrastruttura tat-toroq u għalhekk qegħdin niżguraw li dawn it-toroq ikunu jikkumplimentaw u anzi jsostnu l-ekonomija tagħna. B’infrastruttura tajba, speċjalment f’postijiet bħal dan, inkunu qegħdin insostnu l-industrija, insostnu l-ajruporti u l-portijiet tagħna, li jfissru turiżmu u kummerċ. Fuq kollox inkunu qegħdin nagħtu liċ-ċittadini aktar ħin biex igawduh mal-familji tagħhom jew jagħmlu l-passatempi għax il-vjaġġ minn u lejn darhom dejjem jiqsar. Impenjati li nkomplu ninvestu fl-infrastruttura u li nkomplu nippjanaw biex insolvu l-bottlenecks u mhux naħdmu b’mod sparpaljat. L-għan aħħari tagħna huwa l-kwalità tal-ħajja tan-nies – li tkun tajba u li dejjem tkun aħjar,” għalaq il-Ministru Ian Borg.