F’anqas minn 36 siegħa mindu l-pulizija sabet il-katavri ta’ Maria Lourdes ta’ 70 sena u bintha Angele Bonniċi ta’ 29 sena minn Ħal Għaxaq mirduma f’għalqa fil-Gudja, il-Pulizja ressqet il-Qorti lil Joseph Bonnici ta’ 38 sena u xlietu bil-qtil doppju ta’ ommu u oħtu.
Fil-Qorti l-akkużat deher kommoss u wieġeb li mhux ħati.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-ispetturi Keith Arnaud, John Spiteri u Rodrick Attard xliet lil Bonnici li bejn it-Tlieta u l-Erbgħa li għadda qatel kiesaħ u biered lil ommu Maria Lourdes u lil oħtu Angele. Huwa ġie mixli wkoll li kellu arma tan-nar bla liċenzja u li bagħbas max-xena tar-reat, li ħeba l-katavri ta’ ommu u oħtu taħt il-ħamrija f’għalqa fil-Gudja. Huwa ġie mixli wkoll li mmodifika l-arma biex ma tagħmilx ħoss.
L-Ispettur xehed ukoll l-akkużat ħa lill-Pulizija fuq il-post fejn difen lil ommu lil oħtu.
L-akkużat inżamm arrestat fil-ħabs ta’ Kordin fejn hemm missieru li wkoll qiegħed jiskonta sentenza ta’ 31 sena ħabs wara li qatel ġirien tiegħu. Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.