Waqt laqgħa għad-Delegati Laburisti ġewwa ċ-Ċentru Laburista, ir-Rabat, Malta, il-kandidata għall-Parlament Ewropew Lorna Vassallo tkellmet dwar l-esperjenza tagħha fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-ispeċjalizzazzjoni tagħha f’affarijiet interni tal-Unjoni u fil-pajjiżi tal-kontinent Afrikan.
Fil-fatt, l-immigrazzjoni mill-Afrika, hija waħda mill-prioritajiet tal-ħidma politika tagħha. Tkellmet dwar il-bżonn li nibdew inħarsu pożittivament lejn l-Afrika u qalet li l-għajnuna lil pajjiżi Afrikani li sejrin tajjeb għandha tkun ukoll priorità.
L-UE għandha tgħin kumpaniji fl-Afrika li jiggarantixxu kundizzjonijiet ta’ xogħol simili għall-Ewropa sabiex dawn jgħollu l-pagi tagħhom għal livell simili għal pagi diċenti Ewropej. Miżuri oħra għandhom jinkludu għajnuna finanzjarja lil Afrikani fl-Ewropa li jixtiequ jibdew negozju f’pajjiżhom biex jgħinu l-iżvilupp tiegħu. Il-konnettivita’ bl-ajru u x-xogħol staġjonali huma soluzzjonijiet oħra għal immigrazzjoni legali regolata.
Lorna Vassallo tkellmet ukoll dwar il-viżjoni tagħha li l-Unjoni Ewropea ssir l-ewwel blokk ekonomiku mingħajr nies jorqdu barra u tallaba fid-dinja.
Lokalment, hija qalet li għandha għal qalbha ħafna suġġetti bħal aktar leave favur persuni waħedhom li jaħdmu, anke mingħajr tfal. Hija tkellmet ukoll dwar insulti b’diżabilità u mard. Temmen li għandha tiddaħħal proċedura ex officio f’każ ta’ reati bħal dawn sabiex ma jkunx hemm bżonn ir-rapport tal-vittma ħalli l-pulizija tipproċedi. Dan għaliex reati bħal dawn jikkawżaw uġigħ irreparabbli lil persuni vulnerabbli.
Il-Ministru Konrad Mizzi li indirizza lil dawk preżenti tkellem dwar il-ħidma politika ma taqta’ xejn ta’ Lorna Vassallo u l-kontribut siewi li tista’ tagħti bħala Membru Parlamentari Ewropew. Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis attenda wkoll għall-okkażjoni.