“L-Ewropa teħtieġ wiċċ uman; teħtieġ ruħ soċjali; u hekk mhux biss tersaq viċin in-nies imma tkun tan-nies.”
Dan qalitu l-kandidata għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, Dr Josianne Cutajar, filwaqt li fissret kif il-kuntatt dirett tagħha man-nies matul din il-kampanja elettorali qed ikompli juriha xi jħossu u xi jridu n-nies mill-Unjoni Ewropea.
Dr Cutajar qalet li l-Maltin u l-Għawdxin bir-raġun jinsabu mweġġgħin bl-aġir ta’ rappreżentanti Maltin stess li qed jużaw il-pożizzjoni tagħhom biex jagħmlu ħsara lill-pajjiż. Huwa għalhekk, qalet, li neħtieġu rappreżentanza aktar b’saħħitha ta’ deputati li jifhmu lin-nies, jitkellmu magħhom u li lesti jsarrfu l-ħidma tagħhom fl-interess ta’ Malta u Għawdex.
Lil hinn mill-fanatiċiżmu u l-interessi partiġġjani, in-nies fi djarhom ifittxu serħan tal-moħħ fuq ix-xogħol, kwalita’ ta’ ħajja aħjar u l-futur ta’ uliedhom.
“Huwa għalhekk li l-politika li qed nimbotta ‘l quddiem, tfittex li nassiguraw kundizzjonijiet tax-xogħol dinjitużi, ħin adekwat mal-familja,u drittijiet aktar b’saħħithom lill-ħaddiema kollha”, qalet Josianne Cutajar waqt li fissret l-importanza ta’ aktar spazji miftuħa qrib tan-natura biex jitgawdew mill-familji.
“Raħal wara raħal u belt wara belt, qed indur il-pajjiż biex niltaqa’ man-nies u nisma’ x’għandhom xi jgħidu”, żiedet tgħid Cutajar. “Il-messaġġ jibqa’ wieħed, dwar kif l-Unjoni Ewropea se tagħmel aktar għalina biex nindirizzaw aħjar il-bżonnijiet tal-familji, l-anzjani u t-tfal tagħna.”
Hija fissret kif huwa essenzjali li nħarsu lejn proposti konkreti biex permezz ta’ bidliet fil-liġi u bl-użu ta’ fondi Ewropej, inwettqu l-viżjoni tagħha għal Ewropa aktar umana, soċjali u inklussiva.
Fil-fora Ewropeja, qalet Cutajar, irridu min jipproteġi dak kollu li jagħmilna Maltin u Għawdxin, id-delizzji u t-tradizzjonijiet tagħna, min ifittex li jkompli jassigura li ma ntellfux ir-ritmu b’saħħtu tal-ekonomija Maltija biex minnha tgawdi kull rokna tal-pajjiż u kull faxxa tas-soċjeta’. Żgur li ma rridux lil min gideb lill-kaċċaturi u n-nassaba, lill-bdiewa, lir-raħħala u lis-sajjieda, biex ħadilhom il-vot elezzjoni wara oħra fis-snin l-imgħoddija.
L-iżgħar kandidata tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, qalet li tinsab entużjasta ħafna bir-rispons li qed tara miż-żgħażagħ matul din il-kampanja.
Minn dawk l-adoloxxenti li se jivvutaw għall-ewwel darba, sa dawk li jixtiequ li jsiru sidien ta’ darhom, u dawk li qed irabbu, iż-żgħażagħ li qed niltaqa’ magħhom għandhom il-ħeġġa li jkunu minn ta’ quddiem biex jiffurmaw il-futur ta’ dan il-pajjiż u tal-Ewropa mhux biss bil-vot imma wkoll bl-ideat u l-involviment, saħqet Josianne Cutajar.
Fl-aħħarnett Josianne Cutajar tenniet l-impenn tagħha li tkompli tisma’, tifhem u twassal il-messaġġ tan-nies u ta’ dawk l-aktar vulnerabbli permezz ta’politika konkreta , kif taspira li tagħmel fil-Parlament Ewropew bil-prijorita’ ewlenija tibqa’ li tipproteġi l-isem u l-futur ta’ Malta u Għawdex.