Għall-familjari tal-vittmi tal-qtil makabru f’Ħal-Għaxaq, din hija t-tieni traġedja fi ftit snin. Dan hekk kif ir-raġel u l-misser tal-vittmi Marija Lourdes u Angele fis-sena 2000 qatel lill-ġirien f’argument jaħraq.
Paul Bonnici kien instab ħati li fis-sena 2000 kellu argument fatali mal-ġirien Joseph u Carmela Dalli quddiem ir-residenza tagħhom f’ Ħal Għaxaq. Preżentament huwa qed jiskonta sentenza ta’ 31 sena ħabs.
B’rabta ma’ dan il-qtil doppju il-Pulizija qed iżomm lill-iben u ħu il-vittmi, li jidher li ammetta li kien hu li qatel liż-żewġ nisa.
L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ qed jitmexxew mill-Ispettur Roderick Attard mill-Għassa taż-Żejtun u l-ispetturi Keith Arnaud u James Grech mill-Iskwadra tal-Omiċidji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo qed tmexxi inkjesta maġisterjali li ħatret bosta esperti biex jassistuha fl-inkjesta.
http://www.one.com.mt/2019/03/30/omm-u-bint-jinsabu-maqtula-fil-limiti-ta-hal-ghaxaq/