Wara sigħat twal ta’ investigazzjonijiet kontinwi, dalgħodu l-Pulizija mistennija tressaq il-qorti u tixli tliet immigranti li allegatament l-Erbgħa li għadda ħatfu l-vapur El Hiblu 1 fil-baħar Meditteran.
ONE News hu infurmat li s-Sibt filgħodu l-Pulizija ser tressaq żewġt irġiel mill-Guinea u ieħor mill-Kosta tal-Avorju u tixlihom fost oħrajn b’att ta’ piraterija.
Dan wara li allegatament kienu huma li ħatfu l-vapur li fuqu kienu abbord u ħadu l-kontroll tiegħu f’idejhom.
Huma għamlu dan wara li l-vapur tal-merkanzija salvahom mill-ibħra Libjani u kien se jerġa’ jdaħħalom lura fil-Libja.
Hu mifhum li malli raw hekk, l-immigranti ħadu l-kontroll tal-vapur u bdew ibaħħru lejn l-Ewropa. Kien fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu li t-Taqsima tal-Operazzjonijiet Speċjalizzati fi ħdan il-Forzi Armati li taw l-assalt fuq il-vapur u ħaduh fil-kontroll tagħhom. Abbord dan il-vapur kien hemm 108 immigranti.
Malli daħal f’Boiler Wharf l-Isla, il-vapur għadda f’idejn l-awtoritajiet Maltin fejn ġew arrestati ħames immigranti, li 2 minnhom ingħataw il-‘Police Bail’, filwaqt li tlieta oħra se tressaqhom il-qorti wara li kien provi biżżejjed kontrihom.
L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ tmexxew mill-Iskwadra ta’ kontra t-terroriżmu u t-taqsima tal-Immigrazzjoni fi ħdan il-korp tal-Pulizija.
L-inkjesta Maġisterjali dwar dan il-każ tmexxiet mill-Maġistrat Monica Vella.