Il-Grigalata qawwija li ħakmet lil pajjiżna fl-aħħar ta’ Frar li għadda wasslet biex saru l-akbar għadd ta’ talbiet ta’ assigurazzjoni għal ħsarat li ġarrbu sidien ta’ djar jew vettura tagħhom.
Skont stħarriġ tal-Assoċċjazzjoni Maltija għall-Assigurazzjoni, il-valur tat-talbiet kollha li daħlu tul dan ix-xahar jaqbeż it-tmien miljun u sitt mitt elf ewro, u jkopri ħsarat li saru fuq propjetajiet privati, kummerċjali, opri tal-baħar, u vetturi.
Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċċjazzjoni, Adrian Galea, spjega li b’kollox, persuni assigurati għamlu ftit anqas minn elfejn talba għall-għajnuna minħabba danni li sofrew kawża tal-maltemp..
“Kien hemm ftit anqas minn elfejn talba, li l-ammont jilħaq tmienja punt sitta miljun ewro. Meta nħarsu lejn kif inhuma maqsuma, għandek parti kbira minnhom ġejjin minn ħsara li saret fuq propjetà.”
Madwar tmienja fil-mija ta’ dawn it-talbiet intlaqgħu diġà, u s-Sur Galea spjega li huwa mistenni li kull talba tintlaqa’ fiż-żmien li ġej.
L-Assoċċjazzjoni stmat li tliet miljun u tliet mitt elf ewro se jkopru ħsarat fuq propjetajiet kummerċjali, disa’ mitt elf ewro se jkopri ħsarat li ġarrbu opri tal-baħar, u sitt mitt elf ewro ntalbu minn persuni li ġarrbu ħsarat estensivi fuq il-vetturi tagħhom.
Is-Sur Galea stqarr ma’ ONE News li l-akbar nefqa mistennija tkun fuq propjetajiet privati, li n-nefqa għalihom qabżet it-tliet miljun u seba’ mitt elf ewro.
“Kien hemm talbiet għax panelli solari taru jew spiċċaw fuq dar oħra jew fit-triq. Kien hemm talbiet fuq ħsara fuq propjetà minħabba ilma li ppenetra l-ġebla jew id-dar. Anke minħabba riħ qawwi li kkawża ħsara fuq bibien jew aperturi jew twieqi.”
Is-Sur Galea qal li dan l-ammont ma jkoprix il-ħsarat kollha u jistma’ li jammontaw ħafna aktar miċ-ċifra stabbilita. Dan għax ħafna persuni jagħżlu li ma jassigurawx ħwejjiġhom.
Minkejja li fuq il-midja soċjali rajna nħawi bħax-Xemxija, Buġibba, u Spinola kompletament mgħarrqa, l-aktar żoni minn fejn saru talbiet għall-għajnuna, kienu Tas-Sliema u l-Port il-Kbir.
“Il-parti kollha tan-Naħa ta’ Fuq ta’ Malta li tmiss mal-Grigal, bħal Tas-Sliema u l-Belt, u allura dawn laqgħu il-Grigalata kienu l-aktar milquta. Għawdex ukoll sofra d-danni tiegħu.”
Is-Sur Galea żied jispjega li għalkemm l-Assoċċjazzjoni mhux qed tantiċipa tibdil notevoli f’dawn iċ-ċifri, se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni mill-qrib.