Aktar minn elfejn atleta Maltin u barranin mistennija jieħdu sehem fl-44 edizzjoni tat-Teamsport Gozo Half Marathon. Il-maratona li bdieha saċerdot mix-Xagħra Għawdex f’Ċirklu taż-żgħażagħ, tant kibret li qed tħaqqaha ma’ maratoni fuq livell internazzjonali.
Il-President tal-maratona, iż-żagħżugħ Mark Bonnici spjega li din is-sena l-atleti ser jaraw bidla aktar professjonali sabiex jintlaħaq livelli ewropej.
“it-10k race hija l-ewwel darba li ħa nagħmluha minflok tat-tmien mili, dan għamilnih bi skop sabiex nilħqu l-livell ewropej, dak li niġu rikonoxxuti mill-European Athletics”
Spjega li l-maratona li se ssir fl-aħħar Ħadd ta’ April se tinqasam f’sitt kategoriji, fosthom il-Family run u l-Walkaton ta’ żewġ kilometri u ħames kilomitri, it-tellieqa ta’ 10 kilometri u n-nofs maratona.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, faħħret il-ħidma ta’ dawn iż-żgħażagħ għax kulma jmur il-maratona qed tkabbar in-numru ta’ parteċipanti.
“Il-Ministeru għal Għawdex għal darb’oħra qed ikompli jinvesti f’din l-attivita mhux biss għax nemmnu fl-isports u l-promozzjoni tal-isports imma wkoll anke fl-għaqdiet volontarji tagħna”
Il-Ministru għal Għawdex qalet kif anke permezz tal-qasam sportiv, isem Għawdex qed ikompli jimraħ fix-xena internazzjonali.