Kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Jordan Azzopardi ta’ 29 sena li qed jaffaċċja ħmistax-il akkuża, fosthom traffikar tad-droga eroina u kokaina u użu ta’ flus foloz. Miegħu qed tkun mixlija mara ta’ 30 sena minn Bormla li hija omm ta’ ħamest itfal.
Tul is-seduta tal-Ġimgħa, Azzopardi deher iżomm rasu baxxuta waqt li tinstema’ x-xhieda fosthom minn persuni li allegatament spiċċaw vittmi tiegħu.
Il-Maġistrat Doreen Clark semgħet kif il-Pulizija sabet sitt elef u seba’ mitt ewro f’karti ta’ flus foloz fil-kamra tal-banju tal-akkużat f’razzett fil-Wardija. Dawn kienu maqsumin f’sebgħa u sittin karta falza tal-mitt ewro. Waqt it-tftixxija nstabu wkoll passaporti, mobiles, u mwieżen fost l-oħrajn.
Xehdu wkoll sidien jew impjegati f’bosta ħwienet f’Tas-Sliema u San Ġwann li ngidmu minn Mario Abdilla, raġel anzjan u qaraj li kien qed jidħol fil-ħanut tagħhom u jixtri dejjem b’karta tal-mitt ewro falza. L-anzjan wieġeb ħati tal-akkużi u kien issentenzjat.
Esperti tal-Bank Ċentrali kkonferma li l-flus li kien qed juża l-akkużat kienu kollha foloz. Qal li Azzopardi ġie arrestat barra l-istabbiliment tal-Mcdonalds tal-Gharghur waqt li kien qed jixtri. Ingħad li hawnhekk Azzopardi ħarab minn fuq il-post, iżda ħabat ma’ arblu, sofra xi ġrieħi, u reġa’ nqabad.
Il-każ se jkompli jinstema’ fl-10 ta’ April li ġej.