Il-Gvern sostna li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell fil-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dwar l-isptarijiet f’Malta tirrigwarda l-punt dwar jekk eċċezzjonijiet preliminari li jistgħu fin-natura tagħhom jitterminaw il-kawża ħesrem, għandhomx jiġu deċiżi qabel l-eċċezzjonijiet fil-mertu.
Fi staqarrija b’reazzjoni għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, il-Gvern qal li dan il-punt hu wieħed tekniku li ma jitlobx il-produzzjoni ta’ provi u għalhekk wieħed ma jistax jitkellem dwar attentanti ta’ dewmien min-naħa tal-Gvern.
Il-Gvern qal li kif għamel dejjem, jirrispetta l-ġudizzju tal-Qrati u mhux bħall-Oppożizzjoni li tfaħħar jew tattakka l-Qorti biss meta jaqblilha.
Innota wkoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed ifaħħar deċiżjoni tal-istess Qorti li hu stess kien qed jattakka sal-Ħadd li għadda.
Min-naħa tiegħu, il-Partit Laburista nnota wkoll dwar l-istqarrija għall-media tal-Kap tal-Oppożizzjoni li fiha jiftaħar b’deċiżjoni tal-qorti fuq aspett partikolari minn każ li beda xhur ilu.
Qal li Adrian Delia, li kien qed jattakka l-Qorti u s-sistema ġudizzjarja tul l-aħħar ġimgħat, jidher li jirrispetta l-Qorti meta jittieħdu deċiżjonijiet favur tiegħu.
Il-Partit Laburista qal li l-istqarrija ta’ Delia wara d-deċiżjoni tal-Qorti llum hija konferma oħra dwar kemm is-saltna tad-dritt f’pajjiżna taħdem minkejja li Adrian Delia jipprova jagħti impressjoni l-kontra kontinwament.