Aġġornat 3: Il-Qorti semgħet ukoll kif l-ewwel darba li l-Pulizija lemħet lil Azzopardi kienet f’karozza f’Tas-Sliema, u miegħu kien hemm it-tfajla tiegħu. Jiem wara fil-vettura kien hemm riekeb raġel ieħor. Wara aktar osservazzjoni l-Pulizija nnutawh jidħol f’diversi ħwienet u juża flus foloz.
L-għada tal-arrest, il-Pulizija marret f’villa fil-Wardija wara li nstabet sustanza ssuspettata crack f’borża.
Tul is-smigħ, Azzopardi deher iddispjaċut hu u jisma’ x-xhieda kontrih. It-tfajla tiegħu ukoll kienet preżenti, iżda nħarġet mill-awla mill-Pulizija ftit tal-ħin wara.
Aġġornat 2: Xehed ukoll raġel Għarbi li jgħix il-Gżira. Huwa qal li xi jiem ilu ġie mistoqsi mill-Pulizija jekk kienx ingħata xi karta ta’ €100 falza. Huwa wieġeb li impjegat tiegħu qallu li raġel li kien se jagħmel xirja żgħira prova jħallas b’karta ta’ €100 li m’għaddietx mill-magna. Hawnhekk, l-impjegat m’aċċettax li l-klijent iħallas b’din il-karta.
Tuneżin li jaħdem f’ħanut tal-merċa f’Tas-Sliema spjega li jum minnhom fl-aħħar xahrejn, klijent prova jħallas b’karta tal-€100 li l-magna aċċettat. Malli bdiet l-investigazzjoni tal-Pulizija hu kien mgħarraf li dik l-istess nota bankarja kienet falza. Mistoqsi fil-Qorti biex jiddeskrivi lill-klijent, ir-raġel qal li dan kien anzjan u qarraj.
Il-Qorti qalet li d-difiża mhux tinsisti li x-xhieda li ngħatat bl-Ingliż il-Ġimgħa tkun meqluba bil-Malti.
Raġel minn San Ġwann, li jaħdem fi stabbiliment tal-ikel f’Tas-Sliema spjega li lejla minnhom, klijent ordna xi ikel, u meta ntalab iħallas kważi €30, il-klijent deher urtat u qal li jrid jiddiskutiha ma’ ta’ miegħu. Wara, il-klijent qallu biex inaqqas l-ordni, u ħallas b’karta tal-€100, li fi kliem ix-xhud kienet mgħaffġa. Huwa wkoll iddeskriva lill-klijent bħala anzjan qarraj.
Espert tal-flus foloz mill-Bank Ċentrali ikkonferma li dawn it-tliet karti ta’ flus li ssemmew waqt il-kawża tal-Ġimgħa kienu kollha foloz. Hawnhekk ta kopja tar-rapport li għamel dwar l-istħarriġ li għamel fuq il-flus lill-Qorti.
Uffiċjal ieħor tal-Pulizija xehed li waqt ronda ta’ bil-lejl irċieva informazzjoni li nħareġ mandat għall-arrest ta’ Jordan Azzopardi u li kienu qed jitmexxew xi flus foloz. Il-Pulizija lemħu lil Azzopardi jsuq Skoda Fabia sewda fl-inħawi ta’ Tas-Sliema. Il-Pulizija qal li kien hemm żewġ passiġġieri mal-akkużat fil-Karozza.
Il-Pulizija baqgħet issegwi lill-akkużat sa’ San Ġwann fejn waqaf f’żewġt iħwienet differenti. Wara, huma daħlu f’parkeġġ ta’ stabbiliment tal-ikel fi Triq tal-Balal. Hawnhekk spjega li mara li kienet fil-karozza mal-akkużat ħarġet, daħlet f’karozza oħra u saqet lejn il-Għargħur. L-akkużat u l-passiġġier l-ieħor daħlu f’dan l-istabbiliment. Aktar tard, il-Pulizija rċivew telefonata li l-flus li ntużaw mill-akkużat kienu foloz, u għalhekk, il-Pulizija arrestat lil Azzopardi.
Meta saret tfittxija fil-karozza tiegħu ġew elevati tliet mazez ċwievet, li kienu ppreżentati fil-Qorti, kif ukoll żewġ joints. Azzopardi ħarab minn fuq il-post, iżda baqa’ dieħal f’arblu u sofra xi ġrieħi. L-akkużat ingħata l-kura li kellu bżonn qabel mal-Pulizija mxiet lejn daru fil-Madliena biex tagħmel aktar stħarriġ.
Aġġornat 1: Jordan Azzopardi ta’ 29 sena mill-Madliena tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ traffikar ta’ eroina u kannabis. Azzopardi kien arrestat mill-Pulizija fit-13 ta’ Marzu li għadda u ilu jiem jinżamm fil-kustodja tal-Pulizija.
Azzopardi jinsab mixli bi 15-il akkuża, fosthom ukoll vjolenza u użu ta’ flus foloz.
Preżenti fl-awla l-Ġimgħa kien hemm ukoll it-tfajla tal-akkużat, li għandha 30 sena u tgħix Bormla. Isimha mhux qed jixxandar fuq ordni tal-Qorti minħabba li hija omm ta’ ħamest itfal. Azzopardi ddaħħal l-awla akkumpanjat minn diversi uffiċjali tal-Pulizija.
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Mark Mercieca mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, spjega li jiem wara l-arrest ta’ Jordan Azzopardi, il-Pulizija kellha informazzjoni li seta kien hemm xi flus kontanti moħbija fil-villa tal-imputat. Żied jispjega wkoll li wara tfittxija fuq il-post il-Pulizija sabet madwar 67 karta ta’ €100.
Il-Maġistrat Doreen Clarke ingħatat traskrizzjoni tal-interrogazzjoni tal-akkużat.