Tliet nisa u raġel b’etajiet bejn l-20 u 33 sena mill-Mellieħa, minn San Pawl il-Baħar u mir-Rabat ġew arrestati mill-Pulizija wara diversi jiem t’osservazzjoni mill–Iskwadra ta’ Kontra d-Droga assistiti minn membri tal-Special Intervention Unit.
L-arresti saru f’rejd ikkordinat f’residenza fi Triq Sir Luigi Preziosi, f’San Pawl il-Baħar waranofsinhar.
Fir-residenza instabet id-droga kokaina u raża tal-kannabis lesta biex tinbiegħ flimkien ma’ diversi oġġetti relatati mal-bejgħ tal-istess droga, fosthom mwieżen eletroniċi u qratas tal-plastik vojta li jindikaw li d-droga misjuba ma kinitx għall-użu personali.
L-erba’ persuni ttieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jgħinu fl-investigazzjonijiet.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli ġiet infurmata minnufih bis-sejba u ħatret diversi esperti biex jassistu fl-Inkjesta Maġisterjali.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin u mhux eskluż li xi persuni jitressqu l-Qorti taħt arrest b’akkużi relatati ma’ traffikar u pussess tad-droga.