Minn terrazin mitluq għal ġnien terapewtiku; li mifrux fuq 1,200 metru kwadru se joffri atmosfera kalma u serena lill-pazjenti bil-kanċer fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.
Bl-isem “Il-Ġardina”, dan il-ġnien għandu spazji miftuħa maħsuba speċifikament għaċ-ċkejknin, u oħrajn aktar kwieti għal dawk akbar fl-età. Dan ikkumplimentat b’mużika rilassanti u ħsejjes tan-natura fl-isfond.
Il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund flimkien ma’ diversi kumpaniji lokali u internazzjonali, u għaqdiet volontarji, ingħaqdu flimkien biex proġett li kien fuq il-karta tawh il-ħajja.
Waħda minn dawn il-kumpaniji hija DAAA HAUS, u l-Interior Designer Maria Bezzina spjegat il-ħsieb wara l-kuluri magħżula.
“Bħala kuluri morna iktar fuq affarijiet naturali biex inti tħossok li qiegħed u mhux ġewwa magħluq qisek mort fil-ġnien kif huwa msemmi dan il-proġett,” qalet Bezzina.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li tul il-Presidenza tagħha, żaret aktar minn għoxrin sptar f’pajjiżi diversi, u bi kburija nnutat il-livell għoli ta’ faċilitajiet li joffri l-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.
“Ikunu jistgħu joħorġu mill-ambjent tal-kamra tal-isptar u jkunu jistgħu jiltaqgħu, jitkellmu hawn anki children’s corner fejn it-tfal jistgħu jilagħbu u ħa ngħid hekk ftit mumenti ta’ respite mit-toqol tal-ambjent li tipprovdi l-kura,” qalet il-President.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne nnota li l-kura tal-kanċer tiddependi fuq fatturi bħal infrastruttura tajba, apparat mediku modern u l-aħħar mediċini fis-suq. Iżda rrimarka li proġetti bħal dan ittejjeb is-servizz mogħti lill-pazjenti/
“Il-moral tal-pazjenti, il-moral ta’ min qed jagħti l-kura u l-moral tal-familjari għandu bearing – jiġifieri jtejjeb – ir-riżultati tal-kura nnifishau allura li jkollna post bħal dal-ġnien fl-isptar tal-Onkoloġija jkompli jgħolli l-moral tal-istaff tagħna, tal-pazjenti u tal-qraba tagħhom, u huwa ppruvat xjentifikament li jwassal għal riżultati aħjar,” qal id-Deputat Prim Ministru.