Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-40 anniversarju mill-Ħelsien ta’ pajjiżna huwa xhieda ta’ kemm pajjiżna kompla jibni fuq il-mewġa ta’ bidla li wasslet għall-istess ħelsien. Qal, li din kienet tema ewlenija waqt laqgħat bejn l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista mal-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca u l-Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat.
Waqt laqgħa mal-Eċċellenza tagħha, il-President tal-Partit Laburista, Daniel Micallef sostna li bħala President tar-Repubblika, it-tieni mara li qed tokkupa dan ir-rwol fl-istorja Repubblika ta’ pajjiżna, l-irwol u l-eżempju tagħha xehdu din il-bidla u huma ta’ xprun għal ħafna sabiex jiddedikaw ħajjithom għas-servizz pubbliku.
“Filwaqt li nirringrazzjawk ta’ din il-Presidenza, waħda li kienet karaterizzata mill-wiċċ uman u vuċi lill-minoranzi f’pajjiżna, ninsabu konvinti li dak li nżergħa f’dawn il-ħames snin ħa jkompli jiġi ndukrat u nkomplu naraw il-frott tiegħu fis-snin li ġejjin,” kompla l-President tal-Partit Laburista.
Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca saħqet li, “pajjiżna għamel passi ta’ ġgant. Il-ħelsien jibqa’ relevanti kull żmien . Dak li sar 40 sena ilu, sar f’diversi livelli u se jibqa’ relevanti kull żmien.”
Waqt il-laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat kienet diskussa r-riforma li ġiet imnedija lbieraħ għal iktar ugwaljanza fil-politika, fejn il-President tal-Partit Laburista sostna li “l-Partit Laburista jemmen li din hija riforma kuraġġuża ħafna u meħtieġa, miżura li kienet parti mill-manifest elettorali tal-istess partit, u għalhekk inħarsu ‘l quddiem li nkunu protagonisti ewlenin fil-konsultazzjoni pubblika, bl-istrutturi rispettivi tal-partit imexxu dan il-proċess.”
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru saħaq li “ridna lkoll li tkun parti minn din il-festa tal-ħelsien għaliex din il-festa mhux sempliċiment xi ħaġa li niċċelebraw u nikkomemoraw, imma li nżidu r-relevanza u nieħdu inizjattivi li jkattru u mmorru għal triq mhux daqstant faċli imma li kien hemm bżonnha. Hekk nistgħu niċċelebraw l-ugwaljanza.”
Il-Prim Ministru kien ippreżentat ukoll bit-tifkira artistika li nħademt għall-40 anniversarju mill-artist Pierre Portelli.