Fil-jum tal-Ħadd beda l-proċess biex Malta jkollha qaddis ieħor. Waqt ċerimonja fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles Scicluna introduċa l-Kawża għall-Beatifikazzjoni ta’ Brother Louis Camilleri, u b’Digriet jiddikjarah ‘Serv ta’ Alla’.
Br.Louis huwa magħruf minn ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ għalliema, ġenituri u studenti Lasalljani, hekk kif huwa kien il-bniedem li waqqaf il-fraternità Signum Fidei f’Malta fit-tmeninijiet.
Din hija għaqda ta’ nies lajċi li jħaddnu l-valuri tal-komunità Lasalljana. Huwa miet f’Mejju tal-elfejn u ħdax meta kellu tmienja u tmenin sena.
Wara ċ-ċerimonja tal-Ħadd, il-Knisja se tagħmel skrutinju tal-kitbiet kollha tal-kandidat, u kif dan għex ħajtu, qabel ma’ tħoss li huwa bniedem ta’ biżżejjed Virtù biex jingħata dan il-preġju.
Bro. Savior Gatt, li huwa wieħed mill-persuni li qed imexxu l-Kawża ‘l quddiem, spjega li hekk kif il-Knisja f’Malta tagħmel dan, ikun imiss lill-Vatikan jiskrutinizza ħajjet il-kandidat.
Minn hawnhekk, ikun irid isir dak li jissejjaħ it-tieni miraklu biex eventwalment tingħata l-qdusija. Dan huwa proċess li kapaċi jieħu għexieren ta’ snin, fil-fatt, wieħed mill-itwal kawżi ta’ Beatu biex isir qaddis damet għaddejja mill-elf, disgħa mija, disgħa u għoxrin sal-elfejn u tmintax.
Il-ħidma għal din il-Kawża bdiet tliet snin ilu meta grupp ta’ persuni li kienu viċin ta’ Camilleri tul ħajtu wrew ix-xewqa li jippromwovu l-ħajja u l-virtujiet ta’ Bro. Louis.
Bro. Gatt spjega li l-aktar ħaġa li l-fraternitá għadha tgħożż hija l-imħabba li Camilleri kellu lejha, u kif qatt ma kont tinzertah mingħajr kopja tal-Vanġelu bil-Franċiż fil-but. Camilleri kellu mħabba speċjali għall-ħaddiema, li nibtet meta beda jgħallem ir-reliġjon lill-apprentistati tal-HMS Dockyard fi żmien l-Ingliżi.