L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia flimkien mal-Whip tal-Gvern Byron Camilleri, id-Deputat Whip tal-Oppożizzjoni Frederick Azzopardi u l-editur tal-pubblikazzjoni Dumnikana Patri Raymond Gatt O.P. nedew il-pubblikazzjoni ‘L-Etika fil-Politika’.
Matul il-konferenza l-Ispeaker qal li l-etika fil-politika fit-tħaddim ta’ demokrazija parlamentari hi indiskussibbli. Tant kemm dan hu minnu, illum, grazzi għall-mekkaniżmi leġiżlattivi, pajjiżna għandu l-ewwel Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u għaldaqstant issa jeżisti mekkaniżmu li jirrispondi lill-Kumitat Parlamentari presedut mill-Ispeaker u minn żewġ membri miż-żewġ naħat tal-Kamra. L-Ispeaker qal li llum pajjiżna jħares lejn l-istituzzjoni bħala istituzzjoni li għandha l-makkinarju biex timxi b’mod korrett u b’mod trasparenti u dan irawwem aktar fiduċja f’din l-istituzzjoni u fil-politiku.
L-Ispeaker irringrazzja lil dawk kollha li taw kontribut fil-pubblikazzjoni u għarraf lil dawk preżenti li kien se jqassam kopja tal-pubblikazzjoni lill-membri parlamentari kollha fis-seduta tal-Erbgħa, 27 ta’ Marzu.
Il-konferenza stampa ġiet indirizzata minn Patri Raymond Gatt OP, mill-Whip tal-Gvern Byron Camilleri u mid-Deputat Whip tal-Oppożizzjoni Frederick Azzopardi.