Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jiftaħ il-bibien għal edizzjoni oħra tal-fiera ‘I Choose – Nagħżel il-Karriera Tiegħi’ fl-Iskola Primarja tas-Siġġiewi fejn mistennija jattendu mal-1,500 student.
Dan l-avveniment hu mmirat lejn studenti tas-Sena 11 (Form 5) u hu opportunità oħra fejn l-istudenti jesploraw aktar għażliet ta’ karriera hekk kif jitilqu mill-edukazzjoni obbligatorja. Madwar 32 istituzzjonijiet edukattiva postsekondarja u rappreżentanti ta’ min iħaddem se jkunu preżenti fil-fiera biex jitkellmu mal-istudenti dwar aktar għarfien rigward korsijiet differenti li jistgħu jsegwu biex jippjanaw il-karriera futura tagħhom kif ukoll informazzjoni utli dwar opportunitajiet differenti ta’ xogħol disponibbli wara li jtemmu l-iskola sekondarja.
L-attenzjoni b’mod individwali hi parti mill-ħsieb wara ‘I Choose’ fejn team ta’ guidance hu preżenti għal sessjonijiet ta’ gwida għal studenti wieħed għal wieħed.
Waqt żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li din se tkun opportunità oħra li biha l-istudenti jistgħu jesploraw aktar għażliet ta’ karrieri hekk kif jispiċċaw l-edukazzjoni obbligatorja.
Matul dan l-avveniment se jiġu esebiti karrieri diversi minn istituzzjonijiet varji bħas-Sixth Form, l-MCAST, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u l-Università ta’ Malta fost l-oħrajn. Għadd ta’ diskussjonijiet interessanti dwar karrieri varji se jitwasslu minn kelliema u minn professjonisti li ġejjin minn setturi privati u oħrajn.
Din il-fiera edukattiva se tkun mifruxa fuq tlett ijiem u tibda mil-lum l-Erbgħa 27 ta’ Marzu 2019 sal-Ġimgħa 29 ta’ Marzu 2019 bejn id-09:00 u s-13:00. Għal aktar tagħrif dwar ‘I Choose – Nagħżel il-Karriera Tiegħi’ wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku edu.gov.mt/ichoose.