110 Housing Estates mferxin ma’ Malta kollha se jkollhom lift installat bħala parti minn proġett ambizzjuż għar-riġenerazzjoni ta’ dawn il-binjiet. Dan tħabbar mis-Segretarji Roderick Galdes u Aaron Farrugia, waqt li kienu qed jinawguraw l-ewwel lift li ġie installat f’Ħal Qormi.
Madwar 900 familja se jibbenefikaw minn dan il-proġett, b’ħafna minnhom ikunu anzjani, residenti b’diffikultà ta’ mobbiltà’, u persuni b’diżabbiltà fost oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes spjega li l-proċess misteni jieħu ż-żmien, għaliex dawn il-binjiet li nbnew 30, 40 u anke 50 sena ilu ma kienux maħsuba li jkollhom lift jopera fil-komun. Għalhekk il-proċess inkluda tibdil strutturali sostanzjali, ftuħ ta’ bibien ġodda, u xogħlijiet oħra qabel l-installazzjoni tal-lift.
Fl-istess ħin, il-proġett se jkun qed jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emmissjonijiet, u b’hekk il-Gvern jilħaq l-miri tiegħu tal-effiċjenza tal-enerġija billi jirriġenera dawn iż-żoni u ftit ‘il barra minnhom biex jiżdied il-livell ta’ għajxien f’komunità aktar inklussiva. Il-proġett se jara wkoll li ż-żoni ta’ madwar dawn il-binjiet se jkunu mtejba bi tħawwil ta’ siġar ġodda, bl-installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dawl, kif ukoll sistema ta’ ħażna tal-ilma.
Ix-xogħlijiet fiż-żoni komuni jinkludu ukoll l-installazzojini ta’ dwal effiċjenti fl-enerġija, faċilitajiet tal-intercom, kif ukoll aperturi effiċjenti fl-enerġija
Il-proġett ta’ housing aktar aċċessibbli se jsir b’investiment ta’ għaxar miljun ewro, ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-fondi Ewropej qed jintużaw tajjeb u fejn hemm l-iktar bżonn li dawn jiġu nvestiti. Huwa għalhekk li dan il-Gvern ried jindirizza l-isfida tan-nuqqas ta’ aċċessibbiltà lil anzjani u persuni b’diżabbiltà.