Fi stqarrija n-Nisa Laburisti qalu li huma jemmnu li r-riforma li qed jipproponi l-gvern bil-għan li tiżdied l-ugwaljanza bejn is-sessi fid-dinja tal-politika hija dik il-bidla li hemm bżonn.
In-Nisa Laburisti saħqu li ser janaliżżaw il-proposti fid-dettall u jipparteċipaw bi sħiħ fil-proċess ta’ konsultazzjoni.
Żiedu jgħidu li diġa’ jidher biċ-ċar li dak propost jolqot b’mod radikali dak li żamm lill-pajjiżna lura għall-bosta snin, hu mibni fuq il-ħsieb ta’ ġustizzja. Ġustizzja għax bis-sistemi proposti ħadd mhu se jieħu post ħadd u dawk li eventwalment se jiġu eletti riżultat tal-mekkaniżmu korrettiv se jintgħażlu b’mod li jkun ukoll irrifletta l-għażliet tal-poplu.
Il-President ta’ Nisa Laburisti, Nikita Alamango, sostniet: “Dak preżentat illum jixhed li anke f’dan l-istadju bikri ta’ konsultazzjoni, il-gvern diġa’ għamel xogħol qawwi ta’ konsultazzjoni u dak propost hu mibni fuq ħsibijiet wiesgħa li jifhmu l-bżonn li kemm jista’ jkun jinġabar kunsens wiesgħa għal din ir-riforma tant importanti f’pajjiżna.”
Hija temmet tgħid li għal darb oħra Malta għandha ċ-ċans li tagħmel qabża ‘l quddiem għad-demokrazija tagħha.