Wara nuqqas ta’ 12-il sena, l-Air Malta se terġa’ ttir lejn l-Eġittu darbtejn fil-ġimgħa minn Awwissu li ġej.
Dwar din ir-rotta ġdida u ambizzjuża tkellimna maċ-Chairman tal-Air Malta Charles Mangion, li saħaq li meta l-linja tal-ajru tiddeċiedi dwar rotta ġdida, timbarka fuq riċerka intensiva.
Issir analiżi tal-pajjiż u t-tkabbir ekonomiku tiegħu, il-kontribut u l-qligħ tar-rotta, is-sigurtà fil-pajjiż, u l-potenzjal turistiku u kummerċjali.
“Il-Kajr hija rotta interessanti ħafna. Għandek popolazzjoni li qed tiżviluppa. Mill-aspett ta’ turiżmu jkun hemm definittivament interess imma ma neskludux li jkun hemm ukoll interess kummerċjali kemm minn Malta għal hemm u anki minn hemm għal hawn,” qal iċ-Chairman tal-Air Malta.
It-titjiriet se jkunu tard filgħaxija, u l-vantaġġ f’dan il-pajjiż huwa li m’hemmx restrizzjonijiet għall-operat mal-lejl bħal f’ċertu pajjiżi Ewropej.
B’dan il-mod, ikun jista’ jsir l-użu massimu tal-ajruplani tal-Air Malta.
“Għaliex night flights? Ħalli dawk in-nies min-naħa tal-Ewropa li jiġu lejn Malta jkunu jistgħu jaqbdu l-flight filgħaxija u dawk mill-Eġittu li jridu jiġu kemm Malta jew to connect mal-kumplament tal-Ewropa jew pajjiżi fil-Mediterran ikunu jistgħu jagħmluha b’faċilita u fl-iqsar ħin konvenjenti għalihom,” kompla jgħid.
Din ir-rotta tingħaqad ma’ ta’ Tel Aviv, Tuneż u Casablanca fil-kontinent Afrikan, u l-ħsieb tal-linja tal-ajru Maltija jmur lil’hinn mill-Afrika u l-Mediterran.
In-Nutar Mangion ħabbar ukoll li għaddejjin diskussjonijiet dwar pajjiżi li jagħmlu parti mir-reġjuni tal-Afrika fin-Nofsinhar tad-deżert tas-Sahara u l-Indja.
Titjiriet li jirrikjedu ajruplani differenti minn dawk li għandha l-Air Malta, u għaldaqstant ikun hemm bżonn ta’ taħriġ lill-impjegati – b’mod partikolari lill-bdoti u l-membri tal-ekwipaġġ.