Wara li dan il-Gvern ħabbar illi kien ser jibda bl-implimentazzjoni ta’ bidliet imsemmija mill-Kummissjoni Venezja, illum stess skatta l-proċess leġiżlattiv hekk kif fil-Parlament sar l-ewwel qari ta’ ħames abbozzi ta’ liġi dwar l-Avukat Ġenerali, il-Pulizija, il-Kummissjonijiet Kostituzzjonali, l-Ombudsman u s-Servizz Pubbliku.
Il-Ministru Għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-abbozz ta’ liġi dwar l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali li għandu l-għan illi jifred il-funzjonijiet ċivili minn dawk ta’ prosekuzzjoni, il-Gvern huwa kommess li jgħaddi mill-istadji leġiżlattivi parlamentari sa’ qabel il-btajjel tas-sajf.
Dawn l-abbozzi li l-proċess tagħhom beda llum, jammontaw għal terz tal-bidliet imsemmija mill-Kummissjoni ta’ Venezja.
Dan kollu ser ikun qiegħed jikkumplimenta d-diversi riformi illi l-Gvern diġa implimenta fosthom it-tneħħija tal-preskrizzjoni minn fuq il-politiċi li jagħmlu atti ta’ korruzzjoni;
F’kummenti ma’ ONE NEWS, il-Ministru Bonnici qal li minkejja li diġa għamel ħafna f’dak illi jirrigwarda r-rule of law, il-Gvern se jibqa’ kommess li jkompli bir-riformi legali pożittivi u neċessarji sabiex ikun assigurat li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jgħixu f’soċjetà fejn id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem ikunu mħarsa u ssalvagwardjati.