Id-drittijiet tal-ħaddiema u l-benefiċċji għalihom mit-tkabbir ekonomiku kienu fuq l-aġenda ta’ laqgħa bejn l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista u dik tal-General Workers Union.
Din il-laqgħa saret fl-isfond taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Partit Laburista għall-40 anniversarju mill-kisba tal-Ħelsien hekk kif bħal Partit Laburista, il-General Workers Union ukoll kellha sehem importanti fil-kisba tal-Ħelsien ta’ pajjiżna.
Il-President tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, sostna li tul dawn l-aħħar 40 sena l-ħaddiema għamlu passi ta’ ġgant ‘il quddiem u l-GWU kellha sehem importanti f’dan kollu.
Illum il-ħaddiema wkoll qed igawdu mill-iżvilupp ekonomiku qawwi li hawn fil-pajjiż, bil-President tal-Partit Laburista jitkellem dwar il-bżonn li wieħed iwieġeb b’mod mgħaġġel għal realtajiet ġodda li jinħolqu minn żmien għal żmien.
“Irridu nkunu aktar żvelti meta jinħolqu sfidi ġodda biex dawn jiġu ndirizzati b’mod immedjat. Dan ikun possibbli biss jekk ir-rappreżentanza tal-ħaddiema tkompli tissaħħaħ u jkunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi qatt mhu ser naċċettaw li d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu mnaqqra,” sostna l-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja saħaq li “l-għan ewlieni tagħna huwa li nassiguraw li d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu mħarsa bis-sħiħ. Il-valur tal-paga irid jirrifletti l-valur tax-xogħol. Il-Gvern ħa diversi miżuri biex jindirizza l -prekarjat. Din mhijiex destinazzjoni imma vjaġġ kontinwu. Għalhekk, jeħtieġ li kull ħaddiem jissieħeb ma’ Union, kwalunkwe union. Is-suq tant kiber li ma nistgħux nippretendu li l-Gvern jaqbad l-abbużi kollha.”
Il-President tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, iddeskriva bħala pożittiva l-proposta tal-General Workers Union dwar is-sħubija mandatorja ta’ kull ħaddiem fl-unjin u semma kif il-Partit Laburista hu miftuħ biex jaħdem mal-istess unjin u oħrajn biex ikomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema.