Persuna mhux magħrufa tilef ħajtu wara li għal xi raġuni waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Dingli f’Tas-Sliema. Għall-ħabta tad-9am, l-Pulizija flimkien ma’ tim mediku mill-Isptar Mater Dei u tim ta’ ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili ġew imsejħa fuq inċident f’sit ta’ kostruzzjoni. Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li r-raġel li huwa barrani li waqa’ madwar 4 sulari u mhux ħaddiem li kien qed jaħdem f’dak is-sit u filfatt huwa instab minn ħaddiema li kienu se jibdew il-ġurnata tax-xogħol tagħhom.
Minn informazzjoni li ksibna minn fuq il-post jdher li minħabba li r-raġel jinsab f’post mhux aċċessibbli l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili mit-taqsima tal-USAR kellhom jinżlu ħdejh permezz tal-ħbula u makkinarju tal-kostruzzjoni.
Nifhmu li dwar dan il-każ se tkun qed tinfetaħ inkjesta u l-Pulizija mistennija tibda b’ħidma sabiex jiġi identifkat il-vittma u l-kawża flimkien mal-ħin tal-mewt.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.