“Lumen” huwa l-isem tal-produzzjoni ta’ din is-sena.
Ghaliex “Lumen”?
Lumen – Id-dawl. F’ambjent li hu mdallam mill-ħażen, id-dawl jagħmel id-differenza kollha. Hu d-dawl tat-tama li tant hu meħtieġ fil-ħajja ta’ kuljum. F’ħajjitna faċli niffokaw fuq dak li hu negattiv flok dak li jagħti t-tama, inxerrdu l-isfiduċja u l-qtigħ ta’ qalb flok l-inkoraġġiment li jiġi mill-fidi tagħna fi Kristu ħaj. Ħajjitna vjaġġ. Mixja li teħodna mis-salib għad-dawl u tagħti dawl lil ħajjitna għax turina li aħna wkoll imsejħin biex mit-tbatija, ngħaddu għall-milja tal-ferħ u l-paċi fi Kristu.
B’kitba ta’ Shaun Formosa taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Agius, b’uħud mill-aqwa atturi stabbiliti f’pajjiżna u dawk sinonimi mar-rappreżentazzjonijiet passati miż-żewġ għaqdiet, l-udjenza preżenti se ssegwi u titħallat mal-atturi waqt li timxi, tidħol f’riflessjoni personali u ssegwi l-Passjoni ta’ SidnaĠesù Kristu fil-pjazza ewlenija taż-Żejtun u madwar il-knisja parrokkjali. Tikkumplimenta din l-esperjenza intima, mimlija emozzjonijiet, qed tiġi preparata mużika oriġinali mill-kompożitur Elton Zarb.
Dan id-dramm se jittella’ it-Tlieta 16 ta’ April, fit-8:00 ta’ filgħaxija. Id-dħul huwa mingħajr ħlas, iżda se jinġabru donazzjonijiet waqt l-attività b’risq l-ALS Malta. Għalhekk in-nies huma mħeġġa jattendu, filwaqt li jkunu ġenerużi u jgħinu fid-donazzjonijiet għal kawża ġusta.
Aktar tagħrif jinkiseb mill-paġni tal-għaqdiet fuq Facebook: Carpe Diem Productions u Għaqda Banda Żejtun.