Bejn l-elfejn u sittax u l-elfejn u tmintax, saru aktar minn mija u sitta u sittin elf operazzjoni fl-Isptar Mater Dei.
Ċifri li kiseb ONE News mir-Reġistru tal-Interventi Kirurġiċi f’Mater Dei, juru li kull sena jsiru aktar minn ħamsa u ħamsin elf operazzjoni – bl-aktar komuni huma dawk ta’ kolonoskopija, gastroskopija, ċistoskopija u katarretti.
Iċ-Chairman tad-Dipartiment tal-Kirurġija Gordon Caruana Dingli qal li ħafna mill-pazjenti li jidħlu għal operazzjonijiet minuri jkunu jistgħu jmorru d-dar fl-istess ġurnata.
Innota li fil-passat kienu jibqgħu jinżammu l-isptar ħafna drabi bla bżonn, u ma kellhomx punt ta’ referenza fejn iċemplu għall-informazzjoni. Illum, is-sitwazzjoni hija differenti.
“Ftit xhur ilu bdejna sistema fejn hemm tabib li jara l-lista tal-pazjenti li jigu operati l-gurnata ta’ qabel u jcemplilhom u jsaqsi marx kollox tajjeb u jekk hemmx problemi li jista’ jghinhom. Din kellna reazzjoni tajba ghaliha ghax il-pazjenti qed ihossu li ahna qed niehdu hsiebhom u nkomplu l-kura taghhom allavolja m’ghadhomx l-isptar” qal Caruana Dingli.
F’Mater Dei hemm dsatax-il teatru. Kuljum jidħlu amont kbir ta’ nies fihom, u bil-għan li tissaħħaħ l-organizzazzjoni, mill-bidu ta’ din is-sena ittieħdet deċiżjoni biex it-teatri jinqasmu fi tliet Dipartimenti, bi professjonisti ffukati fuq interventi partikolari.
“L-affarijiet qed jimxu ahjar. Wahda mir-ragunijiet li hemm iktar teamwork. Illum in-nies huma tim zghir u jahdmu flimkien iktar efficjenti u iktar ghal qalbhom u ahna bhala surgeons qed naraw li jkollna dejjem l-istess nurses fit-theatre allura nidraw lil xulxin u nahdmu hafna ahjar flimkien” żied jgħid il-kirurgu Caruana Dingli.
Dawn l-inizjattivi huma biss ħoloq minn katina sħiħa ta’ miżuri li ttieħdu fl-aħħar snin biex jitnaqqsu l-listi ta’ stennija.
Fost l-oħrajn bdew isiru operazzjonijiet skedati l-Ħadd, kif ukoll ftehimiet biex ċertu operazzjonijiet isiru fi sptarijiet privati u jħallas il-Gvern.