Josianne Cutajar tipproponi sistema għall-manteniment li tagħti aktar stabbilità lill-familji.
Dr Josianne Cutajar, kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, ipproponiet bidla fis-sistema preżenti li tissorvelja l-għoti ta’ manteniment. Fil-preżent, waħda mill-pieni li tiġi applikata fi proċeduri kriminali f’każijiet ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment hi l-piena ta’ priġunerija. F’każijiet fejn il-persuna mibgħutha l-ħabs titlef xogħlha, dan ċertament mhuwiex rimedju effettiv, saħqet Dr Cutajar. Filwaqt li l-parti l-oħra tkun baqgħet mingħajr manteniment dovut, is-sitwazzjoni tista’ twassal għal faqar effettiv.
“Irrid nara sistemi legali li jgħinu lill-individwi jerġgħu jiksbu l-indipendenza finanzjarja tagħhom, u mhux biss sistema li tikkastiga lill-ħati mingħajr rimedju effettiv għal min qed jistenna l-manteniment għall-għaxjien,” enfasizzat Dr Cutajar waqt il-laqgħa ta’ diskussjoni ‘Niltaqgħu fil-Pjazza’ b’tema soċjali ġewwa l-Mosta.
Dr Cutajar proponiet li l-Gvern jistudja l-iżvilupp ta’ aġenzija tal-manteniment, li tieħu ħsieb l-immaniġjar tal-manteniment u proċeduri legali relatati. Dr Cutajar spjegat kif din l-aġenzija tista’ tgħin b’mod reali lil ħafna nies li jaqtgħu qalbhom minn proċeduri legali li jieħdu ż-żmien u jiswew il-flus, kif ukoll lill-vittmi f’relazzjonijiet abbużivi li jibżgħu jħabbtu wiċċhom mal-agressur .
Bl-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri, tkun qed tgħin lill-vittma terġa’ tiġi fuq saqajha finanzjarjament, jkollha aktar stabbilita, u u fl-aħħar mill-aħħar, tassigura li verament issir ġustizzja mal-vittma u mad-dipendenti tagħha. Fl-istess ħin, b’din l-aġenzija, il-Gvern jaf jibbennifika minn anqas spejjeż f’benefiċċji soċjali.
Dr Cutajar sostniet li huma proposti bħal dawn li jgħinu lill-individwi sabiex joħorġu mid-dipendenza ekonomika fuq ħaddieħor, u jagħtuhom l-ispinta li jkollhom bżonn biex jitilqu minn dar abbużiva.
Il-laqgħa ta’ diskussjoni messet ma’ diversi aspetti soċjali inkluż l-impenn biex jiġi eliminat faqar divers. Mill-2013 lil hawn, Gvern Laburista ħareġ 29 elf persuna mill-faqar, permezz ta’ politiki ekonomiċi u soċjali għaqlin. Madanakollu, sostniet Dr Cutajar, dan il-Gvern jibqa’ suċċess biss jekk jibqa’ jistinka sakemm ma jkunx hawn persuna waħda fil-faqar.
F’dan is-sens, Dr Cutajar faħħret l-attitudni tal-Gvern li ma jitfax il-problemi taħt it-tapit, iżda jaffaċċjahom wiċċ ‘imb wiċċ. Hija sostniet li l-Gvern irid jindirizza l-faqar b’mod sistematiku, per eżempju, billi jsaħħaħ il-pensjonijiet, iżid il-paga minima b’mod sostenibbli, u jsaħħaħ il-welfare state – li kien wara kollox, Gvern soċjalista li daħħlu f’Malta b’mod rivoluzzjonarju għal dak iż-żmien. Kien enfasi wkoll fuq l-importanza tal-edukazzjoni li hi ċavetta ewlenija biex jiġi indirizzat il-faqar.
Dr Cutajar qalet li l-Partit Laburista huwa d-dar naturali ta’ kull min jobgħod il-faqar, id-diskriminazzjoni, u t-tbatija. Dan il-Partit, tenniet il-kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, m’għandux biss l-istorja li titkellem għalih, iżda għandu x-xogħol kollu li qiegħed iwettaq għall-familji Maltin u Għawdxin illum u fil-ġejjieni.
Hi temmet tgħid li jekk tinghata l-fiducja, dak li trid tkun tagħmel fil-Parlament Ewropew: taħdem fuq temi soċjali, taħdem biex madwar l-Ewropa kollha, imma fuq quddiem nett f’pajjiżna, inkomplu niġġieldu l-esklużjoni, in-nuqqas li jsofru ċerti nies minħabba ċirkostanzi u esperjenzi differenti.