“Filgħaxija waqt li l-pajjiż kollu kien qed jara l-logħba tal-futbol għamel konferenza tal-aħbarijiet. Sinjal li kien hemm xi ħaġa urġenti,” innota Muscat waqt attività politika f’Marsaskala.
Il-Prim Ministru qal li mhux se jidħol fil-kwistjoni għax dejjem kien konsistenti. “Jekk hemm xi ħadd jaf x’iġifieri jkun vittma ta’ firem foloz huwa jien. U hemm il-konsistenza għax kieku kienet xi ħaġa fuqna diġa’ hemm taparsi n-nies fit-toroq… Issa sħabu stess se jagħmlu l-istess ħaġa fuq Adrian Delia?” staqsa l-Prim Ministru.
“Aħna veru żammejna dejjem konsistenti fuq din l-issue u dak li jgħodd għall-persuna jgħodd għal oħra. J’Alla il-Kap tal-Oppożizzjoni jkollu l-proċess kollu li hemm bżonn u niġġudikawh fuq dak… Kemm kien ikun iktar għaqli jagħmel kif għamilt jien u meta joħorġu l-affarijiet dwaru jitlob investigazzjoni hu stess,” saħaq il-Prim Ministru.
“Dawn l-affarijiet kollha li ilhom jintqalu fuqu f’dawn is-sentejn li għandu jagħmel illum qabel għada imur għand il-maġistrat u jitlob investigazzjoni,” sostna l-Prim Ministru.