“AĦNA FAVUR LI JKUN HEMM LINK BEJN GĦAWDEX U MALTA” – GUG
Dikjarazzjoni ċara ta’ rappreżentant tal-Grupp Universitarji Għawdxin waqt kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tar-radio RTK.
Dan wara li stqarrija li ntbagħtet fl-aħħar jiem mill-GUG dwar il-konnetività permanenti bejn Malta u Għawdex, ġiet interpretata ħażin fil-midja lokali.
F’din l-istqarrija l-GUG għamluha ċara li huma favur il-konnettività, iżda stqarru li l-prijorità tagħhom hi li jsemmgħu l-vuċi tal-istudent Għawdxi.
Chris Mercieca, rapreżentant tal-GUG żied jikkonferma li bħala grupp li jirrapreżenta lill-istudenti Għawdxin, qed jappoġġja l-proġett tal-mina bejn Għawdex u Malta.
“AĦNA BĦALA GRUPP NISTGĦU NGĦIDU LI MAHNIEX KONTRA T-TUNNEL, AĦNA FAVUR IL-KONNETIVITÀ ALLURA FAVUR IT-TUNNEL”
Intant, fi stqarrija, l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastrtuttura, qal li l-proġett ta’ konnetività bejn Malta u Għawdex igawdi l-appoġġ u l-mandat demokratiku tal-maġġoranza tal-Poplu Għawdxi u Malti, u qed jitwettaq bl-akbar reqqa u attenzjoni.
L-istqarrija fakkret li l-Gvern għandu mandat biex jitwettaq dan il-proġett, li dwaru hemm ukoll qbil mill-Oppożizzjoni.
Għalhekk l-ippjanar se jkompli jsir bl-akbar attenzjoni u bl-aktar mod metikoluż sabiex jiġi żgurat li jitwettaq bl-aktar mod sostenibbli fl-aħjar interess tal-familji u n-negozji f’Għawdex.