Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia llejla sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex jitkellem dwar allegazzjonijiet li issa ilhom fuq rasu sa minn qabel laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Kważi sena u nofs wara li l-allegazzjonijiet dwaru feġġew għall-ewwel darba ħareġ jgħid li d-dokumenti fejn hemm firem tiegħu huma foloz u talab investigazzjoni fuq dokumenti li skontu ġew illikjati mill-FIAU.
Adrian Delia qiegħed jiffaċcja allegazzjonijiet li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjien mill-prostituzzjoni. Mistoqsi mit-Times of Malta Adrian Delia ħarab milli jwieġeb il-mistoqsijiet fosthom jekk għandux dan il-kont f’Jersey.
Dawn l-allegazzjonijiet għamlithom l-blogger Daphne Caruana Galizia li fit-tellieqa għall-Kap Nazzjonalista f’Settembru elfejn u sbatax, allegat li Adrian Delia daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjien mill-Prostituzzjoni.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet Adrian Delia kien skomdu jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar il-kont bankarju f’Jersey, u qal li dan huwa kollu intimidazzjoni fil-konfront tiegħu.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ħarab milli jwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti u fl-istamperija kien hemm paniku fost l-ogħla uffiċjali tal-partit Nazzjonalista fosthom Clyde Puli u Pierre Portelli.
B’reazzjoni l-Partit Labruista qal li kieku Adrian Delia talab inkjesta dwaru nnifsu minnufih u meta appellawlu ħafna, sal-lum forsi nafu l-verità. Iżda, Delia qatt m’għamel xejn konkret biex inaddaf ismu.
Fuq kollox qed jerġa’ joħroġ kemm Adrian Delia mhux bniedem kredibbli. Wara xhur jistrieħ fuq dokumenti leaked tal-FIAU u artikli fil-gazzetti għall-argumenti politiċi tiegħu llum kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga l-istess għejjun ta’ informazzjoni li meta setgħu ppontaw lejn ħaddieħor hu rikeb fuqhom, użahom u saħansitra sejjaħ għar-riżenji.
Bħal dejjem il-Partit Laburista jinnota li jekk hemm investigazzjonijiet xi jsiru għandhom isiru f’serenità u jikkummenta ladarbaj jkunu konklużi.
Iżda, illum huwa ċar li kif qalulu nies mill-PN stess Delia mhux denju tal-kariga li jokkupa. Jekk xejn għax ma baqagħlux nitfa’ kredibbilta, temm jgħid il-Partit Laburista.