“Hemm bżonn li naraw Unjoni Ewropea aktar qrib iċ-ċittadini biex il-proġett Ewropew jibqa’ jirnexxi.”
Qal dan il-kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Dr Alex Agius Saliba waqt diskussjoni taħt it-tinda bit-tema “Fil-Pjazza ma’ Alex” f’Raħal il-Ġdid.
Agius Saliba tkellem dwar ir-Right to Disconnect, biex l-użu ta’ għodod teknoloġiċi “ġodda” ma jġiegħelx lill-ħaddiema jkunu kostretti jibqgħu jaħdmu barra l-ħin tax-xogħol.
Qal li jemmen li dan id-dritt għandu jiddaħħal fil-liġi tax-xogħol Maltija u tenna li jekk jiġi elett fil-Parlament Ewropew, ser jaħdem biex dan id-dritt u oħrajn simili li jgħinu biex jogħla l-livell t’għajxien jingħataw liċ-ċittadini Ewropej kollha.
Tkellem ukoll fuq l-użu rikreattiv tal-kannabis, fejn qal li dan is-suġġett m’għandux jibqa’ jkunu trattat bħala tabù, għax din hija realtà b’impatt fuq is-soċjetà.
Fost dawk preżenti, kien hemm id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, il-whip tal-Gvern Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis.
Huma faħħru l-impenn u d-dedikazzjoni li minn dejjem kellu Agius Saliba, u tennew li għandu kwalitajiet importanti li jgħinuh jaħdem għall-ġid ta’ Malta fil-Parlament Ewropew u jkun rapprezentant denju.