Ir-riformi li qed iwettaq il-Gvern Laburista f’oqsma differenti, mhux biss ekonomiċi imma anke fil-qasam tal-governanza biex tissaħħaħ id-demokrazija, huma eżempji ċari ta’ Gvern li jisma u jwettaq dak li jwiegħed. Dan qalitu l-Ewroparlamentari Miriam Dalli permezz ta’ stqarrija.
“F’inqas minn 100 ġurnata, il-Gvern se jkun qed jippreżenta liġi li biha se jkun qed jimxi mal-pariri tal-Kummissjoni Venezja dwar l-irwol tal-Avukat Ġenerali. Is-separazzjoni tal-irwoli prosekutorjali u ta’ konsulenza legali tal-Avukat Ġenerali hija riforma li ilna nitkellmu dwarha, iżda llum qed naraw kif kellu jkun Gvern immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat li qed iwassal għal din il-bidla,” qalet l-Ewroparlamentari Miriam Dalli.
Il-kumment ta’ Dr Dalli sar fil-kuntest tad-dibattitu li se jkun qed isir nhar it-Tnejn fil-Parlament Ewropew. Hemmhekk se tiġi diskussa r-riżoluzzjoni dwar Malta u l-iSlovakkja, bil-vot jittieħed f’April. Id-diskussjoni hija mistennija tkompli fuq l-aħħar diskussjoni li kien hemm fil-kumitat tal-Parlament Ewropew, li matulu Miriam Dalli saħqet dwar l-inkonsistenza ta’ wħud mill-Membri tal-Parlament Ewropew. Fuq kollox, hi insistiet li mhux aċċettabbli li hemm min irid akkost ta’ kollox jissoġġetta lil Malta għal taħdidiet dwar l-istat tad-dritt.
“Qed naraw kif pajjiżna fl-aħħar snin aġixxa biex jirriforma liġijiet li gvernijiet preċedenti qatt ma tħajjru jirriformaw. Qed inbiddlu dak li ħaddieħor qatt ma rnexxielu. Issa se jkollna l-Ewwel Qari tal-abbozz ta’ liġi biex tissepara r-rwoli tal-Avukat Ġenerali sas-sajf li ġej. Iżda minflokk se nisimgħu kummenti minn esponenti differenti ta għalfejn il-Kummissjoni Ewropea imissha tissoġġetta lil Malta għal taħdidiet dwar l-istat tad-dritt,” żiedet l-MEP tal-Partit Laburista.
F’taħdidiet li Miriam Dalli kellha ma’ kollegi tagħha fil-Parlament Ewropew, kien hemm min irrimarka li Malta m’għandha qatt titpoġġa fl-istess kejl bħal Ungerija u l-Polonja. Kien hemm min saħansitra kkummenta li l-Partit Popolari Ewropew – li tiegħu hu membru l-Partit Nazzjonalista u li l-membri tiegħu mexxew ‘l quddiem l-kampanja kontra Malta – ma jistax jaħsel idu minn dak li qed jiġri fl-Ungerija, sempliċiment għax il-partit ta’ Orban ġie sospiż, aktar w aktar wara l-pozzizjoni li ttieħdet f’aktar minn okkażżjoni waħda biex jiddefendu l-gvern ta’ Orban.
“Malta ma ħaqqhiex tiġi soġġetta għal dan il-logħob politiku partiġġjan għal min irid il-materjal għal kampanja elettorali tiegħu.”