Il-kumitat festi nazzjonali ħabbar il-programm ta’ attivitajiet fl-okkażjoni tal-festa nazzjonali ta’ Jum il-Ħelsien.
Din is-sena timmarka l-40 anniversarju minn meta l-aħħar bastimenti navali Ingliżi salpaw minn pajjiżna għall-aħħar darba biex pajjiżna ħa rajh f’idejh.
Is-Sibt 30 ta’ Marzu, il-Banda tal-Forzi Armati u l-Banda tal-Pulizija se jagħmlu wirja mużikali fi Pjazza San Ġorġ, Il-Belt Valletta, fl-10.30am.
L-għada l-Ħadd 31 ta’ Marzu ssir iċ-ċerimonja kommemorattiva. Din tibda fid-9am b’marċ li jibda minn Triq ix-Xatt ta’ Bormla u li jgħaddi minn Triq San Lawrenz fil-Birgu sa quddiem il-Monument tal-Ħelsien.
Il-bqija tal-programm huwa kif ġej:
09.15am: Wasla tal-banda u l-kontinġent tal-Forzi Armati quddiem il-Monument tal-Ħelsien.
09.20am: Wasla tal-Kmandant tal-Forzi Armati
09.23am: Wasla tal-Kap tal-Oppożizzjoni
09.25am: Wasla tal-Prim Ministru
09.30am: Wasla tal-President ta’ Malta
Mal-wasla tagħha, il-President ta’ Malta tispezzjoni l-Gwardja tal-Unur biex imbgħad, flimkien mal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni jitilgħu fuq il-monument fejn jindaqq l-Innu tal-Ħelsien, tindaqq il-Fanfarra, jsir it-tqegħid tal-bukketti u jindaqq l-Innu Nazzjonali.
Waranofsinhar, għall-ħabta tan-12.30pm, issir ir-Regatta Tradizzjonali ta’ Jum il-Ħelsien. Ir-regatta hija organizzata mill-Għaqda Regatta Nazzjonali bl-għajnuna ta’ SportMalta. Ikun hemm tiġrijiet tad-Dgħajjes A tal-Midalji – Frejgatini – Dgħajjes C tal-Pass – Kajjikki – Dgħajjes B tal-Pass fil-kategoriji ‘Open’ u dik ‘Reserves’.
Wara kull tiġrija ssir il-preżentazzjoni tat-tazzi u l-palji tat-tiġrija partikolari. Wara li jispiċċaw it-tiġrijiet kollha ssir preżentazzjoni tax-shield lill-club li jikseb l-akbar għadd ta’ punti fit-tiġrijiet tal-kategorija ‘Open’ u oħra fil-kategorija ‘Reserves’.