Għall-40 Anniversarju minn Jum il-Ħelsien ġiet inawgurata wirja bl-isem ‘Behind Closed Doors’ li qed tittella’ f’Forti Sant’Anġlu.
Din il-wirja se twassal rakkonti li seħħew f’dan il-post waqt il-ħakma mill-flotta rjali bejn l-1906 u l-1979.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li l-wirja hija differenti minn oħrajn u l-pubbliku se jara bosta esebiti minn esperjenzi differenti.
“Din il-wirja hi b’differenza għax hawnhekk qed naraw ir-rakkonti tal-Maltin u l-Brittanniċi illi kienu proprju jaħdmu Forti Sant Anġlu li dak iż-żmien kienet l-HMS St Angelo,” qal il-Ministru.
Din il-wirja qed tittella’ minn Heritage Malta flimkien bil-għan li toħloq esperjenza sħiħa, bil-viżitaturi jistgħu ‘jissieħbu’ b’mod interattiv mal-Flotta Rjali.
Il-wirja se tkun mifruxa f’ħames partijiet tal-Forti Sant’Anġlu fejn il-viżitaturi se jesploraw u jiskopru l-istorja ta’ dan il-bini militari, flimkien mal-ħajja li kien hemm f’din il-forti.
Fosthom se jkun hemm dormitorju, il-bar u kif ukoll uniformijiet li kienu jintlibsu f’dak iż-żmien bil-wirja se tibqa’ miftuħa sa Settembru li ġej.