Malta ssemmiet ma’ 18-il pajjiż ieħor madwar id-dinja li huma l-aħjar post għal btala fir-Rebbiegħa. Dan skont studju li għamlet il-kamra tal-aħbarijiet internazzjonali, CNN, fejn tat deskrizzjoni tal-aqwa 19-il pajjiż fid-dinja fejn wieħed jista’ jżur waqt btala f’dawn iż-żmienijiet.
Is-CNN qalu li l-btajjel tar-Rebbiegħa m’għadhomx sinonimi biss mal-avventuri fil-kampanja, iżda saru opportunità biex it-turisti jżuru postijiet pittoreski li ma jirrikjedux ħafna finanzjarjament.
L-istess artiklu qal ukoll li d-19-il pajjiż li kienu mistħarrġa kienu l-aqwa pajjiżi jew postijiet biex wieħed iżur fir-Rebbiegħa, li s’issa ftit kienu kkunsidrati bħala post tajjeb għal btala bejn Marzu u Ġunju.
Malta ġiet ikklassifikata fid-disa’ post, u kienet segwita minn Munich fil-Ġermanja, il-Marokk, l-Arġentina, u l-Istat Amerikan ta’ Florida, fost l-oħrajn. Fil-profil dwar Malta, ir-raġunijiet li ngħataw għaliex Malta hija fost l-aqwa post għal btala nkludew il-kosta, id-diversi siti storiċi, il-bajjiet, il-klima, u l-kċina. Issemmew ukoll id-diversi tradizzjonijiet li Malta tħaddan b’rabta mal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid, li kulmajmur jaffaxxinaw il-mijiet ta’ turisti kull sena.
L-istħarriġ poġġa lill-Gżejjer tal-Eġew fil-Greċja bħala l-aqwa destinazzjoni għar-Rebbiegħa 2019, u semma wkoll postijiet bħal Barċellona fi Spanja, Cancun fil-Messiku, l-Olanda, u Ledbury fir-Renju Unit, fost oħrajn.